Illiberat minħabba li l-unika prova kontrih kienet stqarrija li ngħatat mingħajr għajnuna legali – One News

Notifiki

Illiberat minħabba li l-unika prova kontrih kienet stqarrija li ngħatat mingħajr għajnuna legali

Raġel li nstab ħati ta’ traffikar tad-droga abbażi ta’ stqarrija li ngħatat mingħajr l-għajnuna legali, inħeles minn din l-akkuża wara li appella mis-sentenza. 

Roderick Castillo ta’ 38 sena kien akkużat b’pussess u traffikar tad-droga ecstasy fl-2008, wara li ammetta mal-Pulizija li ta d-droga lis-sieħba tiegħu biex teħodhom magħha f’festin li kienu se jattendu filgħaxija.

Il-Qorti tal-Maġistrat sabet lil Castillo ħati, u kkundannatu 9 xhur ħabs u multa ta’€1,500.

L-akkużat appella mis-sentenza, u qal li l-ewwel Qorti bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq provi kontrih, fosthom stqarrija li ppreżenta mingħajr għajnuna legali. Dan kien skont il-liġi ta’ dak iż-żmien, iżda li akkużat jippreżenta stqarrijiet mingħajr l-għajnuna tal-avukat ma baqa ikun aċċettat kemm Malta kif ukoll fl-Unjoni Ewropea.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Antoni Mizzi rreferiet għal dikjarazzjonijiet riċenti mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, u qrati lokali, li qalu li persuna taħt arrest għandha d-dritt ta’ għajnuna legali waqt il-proċess kollu tal-investigazzjoni, anke waqt li jkun qed jagħmel stqarrija.

F’dan il-każ, il-provi ppreżentati fil-Qorti kontra l-akkużat kienu stqarrija mill-Pulizija li nħarġet mingħajr għajnuna legali, u allura, il-kundanna fil-konfront ta’ Castillo ma kinitx waħda sikura.

Il-Qorti ordnat li titneħħa l-istqarrija mill-każ u lliberatu minn kull akkuża. Għall-imputat dehru l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend