Il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti f’idejn id-Demokratiċi – One News

Notifiki

Il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti f’idejn id-Demokratiċi

Id-Demokratiċi fl-Istati Uniti ħadu kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti fl-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu. Riżultat li ġie deskritt bħala daqqa ta’ ħarta għal President Donald Trump.

Minkejja dan, ir-Repubblikani saħħew il-kontroll tagħhom fis-Senat.

Il-votazzjoni li saret fil-jum tat-Tlieta kienet ikkunsidrata bħala referendum fuq il-President Amerikan, għalkemm fadallu sal-2020 biex jikkontesta elezzjoni oħra.

L-elezzjonijiet, li huma magħrufa wkoll bħala mid-term elections, ikkonfermaw tendenza storika li l-partit li mhux fil-kontroll tal-White House jagħmel gwadann.

Il-mexxej tad-Demokratiċi fil-Kamra tar-Rappreżentanti Nancy Pelosi, li mistennija tinħatar speaker tal-kamra, qalet lill-partitarji li grazzi għalihom, il-jum tal-Erbgħa se jkun bidu ġdid għall-Amerka:

“Thanks to you tomorrow will be a new day in America. Today is more than about Democrats and Repubblicans. It’s about restoring the Constitution’s checks and balances to the Trump administration”

Min-naħa l-oħra, fuq Twitter, Donald Trump qal li dan kien suċċess tremend u rringrazzja lil kulħadd.

Dan filwaqt li kkwota lill-kummentatur Ben Stein, li qal kif fl-aħħar mija u ħames snin, kien hemm biss ħames darbiet li l-President rebaħ is-siġġijiet fis-Senat f’dawn l-elezzjonijiet.

Meta kien mistieden fuq il-programm One Breakfast, ic-Charge d’Affaires fl-Ambaxxata Amerikana f’Malta Mark Schapiro spjega li r-riżultat ifisser li l-partiti jridu jaħdmu iktar flimkien:
“That means it’s going to be very noisy and contentious. I can assure you of that. But it also means that the parties will have to work together. They have to. You can’t pass legislation without the House and the Senate coming to some sort of agreement on a legislation that gets sent to the President for signature. So there will have to be some degree of compromise”.

Id-Demokratiċi kisbu iktar mit-23 siġġu li kellhom bżonn biex jieħdu kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

B’hekk issa jistgħu iniedu investigazzjonijiet fl-amministrazzjoni u n-negozju ta’ Trump. Jistgħu ukoll jimblukkaw il-pjani leġislattivi tiegħu, bħall-wegħda li jibni ħajt fil-fruntiera mal-Messiku.

Għodda oħra favur id-Demokratiċi hija li issa kulma hemm bżonn hija maġġoranza sempliċi tal-Kamra tar-Rappreżentanti sabiex jittieħed l-ewwel pass biex il-President jitneħħa mill-kariga.

Dan filwaqt li fis-Senat, ir-Repubblikani mistennija jkabbru r-rappreżentazzjoni tagħhom minn 51 għal 54 minn 100 siġġu. Dan ifisser li Trump xorta se jkollu maġġoranza biex jaħtar persuni f’karigi eżekuttivi u ġudizzjarji.

Fost id-diversi riżultati interessanti li ġew irreġistrati, mistenni jkun hemm rekord ta’ nisa li rebħu siġġijiet fil-Kamra tar-Rappreżentanti.

Minn kmieni l-Erbgħa filgħodu, CNN bassar li 96 mara se jirbħu post fil-Kamra tar-Rappreżentanti, b’31 minnhom ikunu eletti għall-ewwel darba.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend