ARA: €10 miljun biex jimlew il-vojt tal-iskejjel tas-snajja’ – One News

Notifiki

ARA: €10 miljun biex jimlew il-vojt tal-iskejjel tas-snajja’

€10 miljun se jibdew jiġu investiti f’laboratorji u workshops ġodda fl-iskejjel sekondarji kollha madwar Malta u Għawdex għas-sistema edukattiva ‘My Journey.’

Inizjattiva li se tagħti l-opportunità lil eluf ta’ studenti biex jitgħallmu u jitħarrġu f’suġġetti vokazzjonali differenti, fosthom is-suġġetti tat-teknoloġija tal-informatika, l-inġinerija, it-turiżmu u l-ospitalità, il-kura tal-ġisem u x-xagħar, il-media, it-tessuti, l-agribusiness, ir-retailing u s-saħħa u l-kura soċjali.

Filfatt, klassijiet fi skejjel se jinbidlu f’ristorant, kċina u kamra tas-sodda fost oħrajn sabiex l-istudenti jitgħallmu b’mod prattiku.

B’hekk, studenti li jispiċċaw mill-Form 5 u li ma jkunux iridu jkomplu l-iskola, jistgħu jkunu mħejjija aħjar għad-dinja tax-xogħol f’diversi setturi.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li dawn il-klassijiet se jimlew il-vojt li ħallew warajhom l-għeluq tal-iskejjel tas-snajja’.

“Kien ikollna talba li jridu skejjel tas-snajja. U dan se jkunu flok l-iskejjel tas-snajja fejn studenti juru l-ħiliet tagħhom f’suġġetti vokazzjonali”.

Dwar l-iskema tat-trasport b’xejn għall-istudenti kollha, il-Ministru Evarist Bartolo qal li b’kollox 26,000 student qegħdin jagħmlu użu minn din is-sistema u fadal biss 500 student li qegħdin fil-proċess li jinstabilhom servizz ta’ trasport.

Ħabbar li l-Gvern se jniedi skema biex nies li għandhom liċenzja biex isuqu u kapaċi jsuqu lit-tfal jkunu jistgħu jidħlu f’din l-iskema li bħalissa qed toffri s-servizz lil aktar minn 12,000 familja.

Filwaqt li servizz b’xejn wassal sabiex 5,000 student bdew jibbenefikaw mis-servizz flok iwassluhom il-ġenituri tagħhom.

Dwar l-eżamijiet, il-Ministru qal li b’Investiment ta’ €1.5 miljun, il-Gvern se jħallas l-eżamijiet tas-SEC u MATSEC. Dan ifissier li kull familja ser tiffranka mal-€200 għal dawn l-eżamijiet.

Il-Ministru Bartolo zied li l-baġit se jkompli jsaħħaħ is-sigurtà fl-iskejjel waqt li se jkomplu jiħraxu l-pieni għal min juza mġiba ħazina fil-konfront tal-edukaturi.

Fl-stess konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima ħabbar li l-Gvern identifika sit għat-trakka tal-karozzi f’Malta u l-post fejn ser isir dan il-proġett se jitħabbar fiż-żmien li ġej:

“Diġà sar investiment fl-Imtaħleb, Ħal Far, u issa dan l-investiment għat-trakka tal-karozzi se jkun għal dawk li għandhom dan id-delizzju. Qegħdin nitkellmu mal-istakeholders u identifikajna sit”.

Is-Segretarju Parlamentari elenka wkoll għadd ta’ miżuri li tħabbru fil-baġit għall-qasam sportiv.

Ewlenin foshtom akkademja tal-isnooker fl-iskola ta’ Maria Assumpta u pixxina ta’ daqs Olimpiku fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend