Xita tar-ramel u n-nida – One News

Notifiki

Xita tar-ramel u n-nida

Espressjoni Maltija li turi d-differenza, u bħalissa nieżla ftit xita. Fi ftit kliem jekk tqabbel lil Adrian Delia ma’ Joseph Muscat, ikollok tgħid li x-huma x-xita u n-nida. In-nida hija aktar ġentili u qatt ma tagħmel ħsara.  Umbaghad ftit xita tar-ramel bħal ma għamlet jumejn ilu. Adrian Delia jidher li hu xita tar-ramel. 

Mhux se naqbad fuq il-budget kollu, ghaliex ikun iżżejjed. Se nieqaf fuq punt wiehed biss, li jinteressa lil kulħadd.  Ir-riċiklaġġ tal-iskart. Veru,  u dan Joseph Muscat aċċettah, li ninsabu l-aħħar fil-klassifika tal-pajjiżi Ewropej li jifirdu l-iskart. Adrian Delia mbilli semma dan id-difett ma kien qed jgħid xejn ġdid, imma l-importanti kif se ddawwar ir-rota.

Għax irridu naċċettaw li din parti mill-kultura hażina tagħna. Aħna nemmnu fl-indafa ta’ ġewwa, u sal-bankina, imma mbagħad il-ħmieġ għall-barra. Kemm ikun hemm kwistjonijiet bħal dawn bejn il-ġirien!   Imma jidher li din kultura min-Napli ‘l isfel.  Darba nzertajt lejn raħal fl-Iżvizzera u kien żmien il-ħarifa.  Rajt raġel anzjan joħroħ bi xkupa żgħira u borża tal-karti jiġbor il-weraq li waqa’ mis-siġra tiegħu għal fuq it-triq.

Kontra din il-kultura, li ma tiddependix fuq proġetti u kemm jiswew,  imma mill-imħuħ tan-nies, il-gvern ma kellux għażla oħra ħlief li jagħmel liġi li jagħmilha obbligatorja. Jekk ma titgħallimx bis-sewwa titgħallem bid-dnewwa. U forsi jinqata’ l-abbuż ta’ kull wieħed minna, li nghidu: “Il-ftit tieghi x’differenza se jaghmel ???”

Meta ġiet quddiem il-Parlament, mhux tas-seklu l-ieħor,  imma ta’ din il-legislatura, l-Oppożizzjoni għamlet mozzjoni kontra liġi bħal din. Titkaża u fl-istess ħin tittollera l-ħażin. Jekk Adrian Delia kellu riċetta ohħa kif tista’ ġġib riċiklaġġ akbar, messu jgħidu. Imma li jkun xita tar-ramel li jħammeġ u ma jagħmel l-ebda ġid, u flok l-ilma li jnaddaf, aktar iċallas,  allura jkun jaqbel li jaħseb sewwa qabel jitkellem.

Għax umbagħad huwa difett ieħor tal-Maltin….li għandhom memorja u li ma għadhomx iżjed ċwieċ. Tgħidli dawn difetti? Iva, għax min kien imdorri jbella’ lin-nies ir-ross bil-labra, isibha diffiċli li n-nies illum jiftakaru u jfakkru u tgħallmu u m’għadhomx ċwieċ.

Għalhekk fil-Parlament meta Joseph Muscat kien qed iwieġeb fuq il-budget kellu par idejn sodi. Kellu r-riedni f’idejh, imma mhux għax Kap tal-Gvern. Kien kap tal-verità.

Ma ddejjaq xejn li fejn hemm x’tirranġa jaċċetta li għad hemm bżonn jiġi ndirizzat.  Din hi bidla fil-politika Maltija, li qabel kulħadd kien infallibbli,  naħa u oħra.

Iva hemm bżonn li n-nies jitgħallmu li l-indafa mhux biss fid-dar imma anke barra hu parti minn darna. Hemm kull nitfa żibel li jarmi ħaddieħor flimkien ma’ tagħna jigi ma’ wiċċna !

Id-diskorsi tal-budget bejn Adrian Delia u Joseph Muscat verament urew li wiehed xita tar-ramel u l-iehor nida,  gentili u tidhol fil-fond u bil-mod.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend