Ara fejn tista’ tieħdok l-Air Malta din ix-xitwa – One News

Notifiki

Ara fejn tista’ tieħdok l-Air Malta din ix-xitwa

B’27 destinazzjoni, u 300 titjira fil-ġimgħa, l-Air Malta bdiet topera l-iskeda tagħha għal din ix-xitwa. Skeda ambizzjuża li rat żieda ta’ disa’ destinazzjonijiet fuq is-sena li għaddiet, tlieta minnhom ġodda.

Bosta mir-rotot ġodda li tħabbru fl-aħħar sena kienu ta’ suċċess u se jinżammu matul ix-xitwa wkoll, fosthom:

  • Lisbona fil-Portugall;
  • Malaga fi Spanja;
  • Cagliari fi Sqallija;
  • Casablanca fil-Marokk,u
  • Kjiv fl-Ukrajna.

Iż-żewġ rotot li jitilqu minn Katanja, lejn Vjenna u Londra, bħala parti minn suq ġdid li daħlet fih l-Air Malta fl-aħħar xhur paripassu mal-istrateġija tagħha li ssir il-linja tal-ajru tal-Mediterran, ukoll se jinżammu matul ix-xitwa.

Sadanittant, is-suq Ġermaniż, li għal numru ta’ snin kien protagonist fis-suċċess kemm tal-linja tal-ajru kif ukoll tat-turiżmu fil-pajjiż, se jingħata aktar importanza.

Filfatt, it-tliet destinazzjonijiet ġodda fl-iskeda tax-xitwa huma t-tlieta Ġermaniżi:

  • Berlin;
  • Leipzig, u
  • Hamburg.

Biex b’titjiriet doppji kuljum lejn Munich, ħames titjiriet fil-ġimgħa lejn Frankfurt u żewġ titjiriet fil-ġimgħa lejn Dusseldorf, l-Air Malta se tkopri s-suq Ġermaniż b’50 tluq kull ġimgħa minn u lejn sitt ajruporti.

Dan kollu filwaqt li żżomm titjiriet diretti lejn bliet ewlenin fl-Ewropa, fosthom Amsterdam, Brussell, Londra, Ruma, Pariġi u Zurich. Kif ukoll Tuneż fl-Afrika.

Minħabba ż-żieda fil-frekwenzi u destinazzjonijiet ġodda, din ix-xitwa l-Air Malta se topera bi flotta ta’ disa’ ajruplani.

Biex fi sfond ta’ żieda bla preċedent fit-traffiku tal-passiġġieri, u rekord li jiżboq lil ta’ qablu, l-Air Malta għandha skeda li tiggarantixxi aktar suċċess li jkompli jibni fuq dak miksub fix-xhur tas-sajf.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend