1,500 katavru ngħataw lill-Università ta’ Malta għal skopijiet ta’ riċerka – One News

Notifiki

1,500 katavru ngħataw lill-Università ta’ Malta għal skopijiet ta’ riċerka

Fl-aħħar 100 sena kienu madwar 1,500 persuna li ħallew il-katavru tagħhom lill-Università ta’ Malta għar-riċerka mill-istudenti tal-mediċina.

Fl-aħħar erba’ snin medja ta’ 30 persuna fis-sena ħalliet il-katavru tagħha għal dan il-iskop, iżda l-aktar perjodu li fih ingħataw iġsma kien fi żmien il-gwerra.

L-amministrazzjoni tad-Dipartiment tal-Anatomija fl-Univeristà inawgurat monument tal-irħam quddiem il-kappella tal-univeristà biex ifakkar lil dawn il-persuni li ħafna drabi li l-katavru tagħhom jispiċċa ma jindifen qatt. Dan bil-konsegwenza li qrabahom ma jistgħux jpoġġu bukkett fjuri jew jixegħlu xemgħa fuq qabarhom,

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Anatomija, il-Professur Gynn Calleja Agius spjegat il-proċess li permezz tiegħu persuna tista’ tħalli ġisimha lill-Università:

“Irridu l-ewwel ħaġa jħalluwha fit-testment din il-biċċa xogħol, għax huma qed iħallu ġisimhom lill-Università ta’ Malta, imbagħad jimlew request form fejn imbagħad jindikaw jekk hux għal sena, tliet snin jew perjodu indeterminat”.

Dawk li jagħżlu li jħallu ġisimom għal żmien determinat jindifnu wara ż-żmien stipulat, waqt li dawk li jagħżlu li ġisimom jibqa’ fl-Università jibqgħu ma jindifnux:

“Hemmhekk imbagħad għandna proċess ta’ preżervazzjoni plastination, fejn il-ġisem jibqa’ intatt biex jibqa jintuża għall-istudju tal-anatomija”.

Il-Professur Calleja Agius qalet li fost l-iġsma li rat fl-Universita ta’ Malta hemm saħansitra pazjenti tagħha. Semmiet b’mod partikolari lill-kollega tagħha t-tabiba Tania van Avendonk li mietet aktar kmieni din is-sena u li l-katavru tagħha qed jintuża għar-riċerka mit-tobba futuri:

“Kien hemm minnhom li kont nafhom ħajjin imbagħad ġew magħna, naf ukoll nies għadhom żgħar u trabi u kull każ għandu l-istorja tiegħu għax issir taf il-familjari tagħhom”.

Ta’ kull sena l-Università ta’ Malta tfakkar lil dawn il-persuni b’quddiesa f’Jum id-Duluri u issa anke permezz ta’ monument.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend