Joħroġ illiberat minħabba nuqqas ta' provi li spara tiri minn arma tan-nar | One News

Notifiki

Joħroġ illiberat minħabba nuqqas ta’ provi li spara tiri minn arma tan-nar

Thomas Carabott ta’ 30 sena residenti ż-Żejtun kien illiberat wara li l-Qorti ma sabitx provi suffiċjenti biżżejjed li spara tiri barra stabbiliment tax-xorb f’Marsaskala snin ilu, u li kien qed iġorr arma tan-nar mingħajr il-liċenzja meħtieġa. 

Il-każ imur lura għal-lejl ta’ bejn l-4 u l-5 ta’ Awwissu 2000, meta l-akkużat allegatmanet inqalgħet ġlieda bejn żewġ persuni għall-ħabta tal-23:30. Jidher li l-akkużat spiċċa mal-art b’gidma f’kuxtejh, u li skont xhieda fil-Qorti, seba’ persuni qabżu fuqu.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Dominic Micallef, li kien fost l-ewwel fuq il-post hekk kif daħal ir-rapport għand il-Pulizija, qal li l-ġlieda qamet għax wieħed mill-irġiel saq fuq xi mwejjed ta’ ħanut li kien fit-triq tal-Bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala, u raġel ieħor ħareġ b’arma tan-nar u spara tliet tiri.

L-ispettur qal li hekk kif wasal fuq il-post, ra lill-akkużat barra l-ħanut, u dan tal-aħħar ċaħad li kien hu li spara tiri.

Għal dawn l-aħħar snin, Thomas Carabott kien qed jaffaċċja akkużi li kien qed iġorr arma tan-nar fuq persuntu mingħajr il-liċenzja meħtieġa, u li spara tliet tiri minnha.

Esperti Forensiċi li nħatru biex jistudjaw il-Gun Shot Residue minn fuq l-oġġetti elevati minn fuq il-post tar-reat qalu li ma sabu ebda traċċi ta’ GSR fuq dawn l-oġġetti. Fl-istess ħin, sid il-ħanut fejn seħħet l-allegata sparatura, Francis Deguara, qal li ma sema’ l-ebda tiri ta’ arma tan-nar fil-ħin tar-reat, u li kien hu stess li ċempel lill-Pulizija.

Il-Qorti qalet li ma hemm ebda provi ċari biex ikun ippruvat li Thomas Carabott huwa ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, u għalhekk, dan ħareġ illiberat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend