207 proġett b'ħolqien ta' 3,411 impjieg ġdid | One News

Notifiki

207 proġett b’ħolqien ta’ 3,411 impjieg ġdid

Il-Malta Enterprise, bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, approvat 79 proġett ta’ investiment. Dawn il-proġetti, b’investiment ta’ kważi €87 miljun, se joħolqu kważi 1,060 post tax-xogħol ġdid f’pajjiżna. 21 proġett huma proġetti ġodda jew ta’ espansjoni minn investituri barranin, filwaqt li 58 proġett huma proġetti ġodda jew ta’ tkabbir minn investituri lokali.

Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-Malta Enterprise li ġie ppreżentat waqt Business Breakfast it-Tnejn filgħodu.

Mir-rapport ħareġ kif fl-2017 il-Malta Enterprise approvat 128 proġett. B’investiment ta’ €249.2 miljun.Investiment li fi tliet snin li ġejjin se joħolqu wkoll 2,251 post tax-xogħol ġdid f’pajjiżna.  31 proġett huma jew progetti ġodda jew ta’ espansjoni minn investituri barranin. Dan filwaqt li 97 proġett huma ġodda jew ta’ espnasjoni minn investituri lokali.

Fost il-proġetti li approvat il-Malta Enterprise, hemm għaxar kumpaniji li se jinvestu f’faċilità għall-produzzjoni tal-kannabis għal skop mediċinali skont il-leġislazzjoni Maltija.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Mario Galea, qal li b’kollox irċievew 20 applikazzjoni ta’ kumpaniji interessati li jinvestu f’faċilità f’pajjiżna. Iżda minnhom intgħażlu l-aqwa kumpanija u skond il-kriterji tal-liġi Maltija, b’ħamsa minnhom huma fost l-aqwa fid-dinja fis-settur tal-produzzjoni tal-kannabis għal skop mediċinali.

Dan abiex fi żmien tliet xhur f’pajjizna se jiftħu l-ewwel fabbriki li se jipproduċu l-kannabis għal skop mediċinali. Dan wara li fil-jiem li ġejjin ir-regoli li pproponiet l-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini, wasslu biex jiġu approvati mill-Gvern.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise tkellem dwar il-pass li jmiss, li Malta tkun fiċ-ċentru tar-riċerka fis-settur tal-kannabis mediċinali u anki l-uzu tal-kannabis mediċinali fuq l-annimali.

Meta indirizza l-Buisness Breakfast, il-Ministru għall-ekonomija Chris Cardona qal kif mhux biss investituri barranin imma anke investituri Maltin qed iżidu l-investiment tagħhom f’Malta, eżempju ċar tal-fiduċja fl-ekonomija Maltija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend