“Le” għal David Stellini biex joħroġ għal MEP – One News

Notifiki

“Le” għal David Stellini biex joħroġ għal MEP

Wara l-“le” ta’ Chris Said biex ikun kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fid-Dar Ċentrali kien hemm min issuġġerixxa biex iduru fuq id-Deputat David Stellini u jħeġġu lilu jikkontesta.

Iżda, għall-istess raġuni li ntalab joħroġ Chris Said, kien hemm min oppona li jkun imħajjar jikkontesta David Stellini.

Dan kien zvelat mill-gazzetta Kullħadd, li fissret kif fuq Chris Said marru għax riedu jeħilsu minnu fl-istess ħin li fuq Għawdex ikollhom kandidat b’saħħtu ta’ ċertu statura li kkontesta iktar minn elezzjoni waħda.

Iżda, il-Kullħadd spjegat kif fil-każ ta’ Stellini l-kunsiderazzjonijiet kienu differenti.

Ingħad li David Stellini huwa fost dawk li fil-grupp parlamentari ma jopponux lil Adrian Delia u għalhekk ma jkunx għaqli li wieħed iħeġġu jikkontesta elezzjoni oħra anke jekk m’hemmx garanzija li jkun elett.

Jekk xejn, qalu dawk qrib Delia, Stellini għandu jkun imbuttat biex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu f’Għawdex.

Dan wassal biex il-Partit Nazzjonalista għadu għaddej ifittex kandidat ideali għall-gzira Għawdxija anke għax sa qabel kellmu lil Chris Said kien hemm min kien konvintissimu li Said se jkun imħajjar minħabba ċ-ċans kbir li jkun elett.

Min-naħa l-oħra, jidher li s-suġġeriment li jkun imħeġġeġ David Stellini nibet mill-fatt li għal ħafna snin kien jaħdem fi Brussell u nies qrib tiegħu setgħu indikaw li d-deputat jista’ jkun qed jimmissja l-ħajja u l-kundizzjonijiet li kellu hemmhekk.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend