Il-Kunsill Lokali tal-Qala sodisfatt bid-deċiżjoni tal-Qorti b’rabta ma’ żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien – One News

Notifiki

Il-Kunsill Lokali tal-Qala sodisfatt bid-deċiżjoni tal-Qorti b’rabta ma’ żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien

Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg laqa’ b’sodisfazzjoni id-deċiżjoni tal-Qorti li annullat deċiżjoni tal-Bord ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar b’rabta mal-proġett ta’ żvilupp propost f’Ħondoq ir-Rummien, limiti tal-Qala li ilu jhedded il-futur ta’ din iż-żona għal madwar 16-il sena.

Huwa sostna kif dan il-proġett ma kien se jfisser xejn għajr sfreġju ambjentali f’ żona li ilha titgawda għal snin twal:

“Ninsabu ferm kuntenti u sodisfatti għax dan huwa pass ieħor biex forsi dan il-kapitlu tal-Ħondoq li ilu sejjer 16-il sena nagħlquh. Meta ngħid nagħlquh hu li xi darba dan il-post għandu jerġa jiġi f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi kollhu speċjalment il-poplu tal-Qala, li ilu jgawdi dik l-area mill-qedem, mill-bidu tal-umanità”.

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar kien oriġinarjament unanimament irrifjuta il-permess biex jinbnew lukanda u appartamenti kif ukoll jott marina. Iżda din id-deċiżjoni kienet ġiet mdawra mill-Bord ta’ Reviżjoni.

Il-kunsill appella mid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Reviżjoni fil-Qorti tal-Appell, b’din tal-aħħar tiddikjara d-deċiżjoni tal-Bord nulla. Il-Qorti sostniet li d-deċiżjoni tal-bord ta’ reviżjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-aggravji mressqa mill-iżviluppaturi. Il-Qorti ordnat biex il-każ imur lura quddiem it-Tribunal u japplikaw ir-regoli ta’ meta saret l-applikazzjoni oriġinarjament qabel l-2010.

Din ma kinitx l-unika deċiżjoni dwar żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien li ma ntlaqgħetx. Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu ġiet irrifjutata applikazzjoni għall-permess ta’ stabbiliment kummerċjali:

“Ftit ilu kellna l-applikazzjoni n-naħa l-oħra tal-bajja, fejn ġie propost li jsir żvilupp għal souvenir shop, iżda din l-applikazzjoni ħadd ma emminha”.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend