Filmat: Omm li kienet vittma ta’ vjolenza domestika kienet imċaħħda min uliedha – One News

Notifiki

Filmat: Omm li kienet vittma ta’ vjolenza domestika kienet imċaħħda min uliedha

Din hija Martha.

Martha huwa l-isem fittizju li qed nużaw għall-omm ta’ tliet t’itfal li sostniet li għaddiet minn abbuż kemm fiżiku anki mentali minħabba żewġha.

Spjegat kif il-familja tagħha hija kollha Maltija u din marret tgħix l-Ingilterra.

Hawnhekk żewġha mhux l-ewwel darba li ħebb għaliha u darba kien għoddu qatilha:

“Li niftakar kont qed nara t-television ma wieħed minn uliedi u dar bis-salt għalija u qabadni minn għonqi u prova għallaqni u baqa’ jagħfas. It-tfal bdew jibku, ħa toqtol lil mummy u hu ma ħalliniex. U sadanittant jiena bdejt inħossni bla nifs u ħassejtni vera qed immut. Naf li għalaqt għajnejja u ħariġli d-dmugħ. Għedt talba, għedtlu Mulej aħfirli, aħjar tieħodni milli noqgħod hawn, just ħudli ħsieb it-tfal u telaqni għax naħseb ħasibni li mitt.”

Martha spjegat li r-raġel għamel erbat ijiem maħrub, u wara li ġie arrestat u kien se jiffaċja proċeduri fil-Qorti, b’dispjaċir li l-omm isostnih illum, hija waqqgħet l-akkużi.

Ma’ ONE News, l-omm qalet li l-affarijiet daru kontriha f’leħħa ta’ berqa u saħansitra spiċċat imċaħħda minn uliedha:

“U l-kbir qalli, mummy il-papà qalli li jien, jew miegħek jew miegħu. Qalli jekk ħa niġi miegħek jien m’iniex se mmur l-università għax  mhux ħa jtina aktar flus. U t-tfal naqra naqra kienu jmorru għandu u ma jiġux lura.”

Il-mara għamlet anki ġimgħat tgħix barra fit-triq u b’ton miksur spjegat kif iċċaħdet hi biex tikkuntenta lil ulied ċkejknin tagħha.

“Għalkemm ma kellix flus, m’iniex qed nigdeb, kont infaddal naqra fil-ġimgħa biex il-Ħadd almenu nieħdu McDonalds. Għax dik kien ikolli biex nieħdu. Ma nieħu xejn jien, ngħidlu le lanqas għandi ġuħ u nieħdu l-Mc Donalds biex nixtrilu happy meal. Dik is-sitwazzjoni kont wasalt”.

Il-mara tgħid li llum qed issib l-għajnuna permezz ta’ fondazzjoni li trid tqajjem aktar kuxjenza kif il-pika bejn il-ġenituri qed twassal għal tbatija żejda fost parti jew oħra iżda wisq aktar fost it-tfal.

Mary Gauci, esperta tal-Qorti fil-Ħarsien Soċjali, spjegat kif “għall-bidu konna qegħdin nikkonċentraw ħafna fuq parental alienation meta ġenitur jgħawwi lit-tfal kontra l-ġenitur l-ieħor. Pero skoprejna li anki nafu bix-xogħol tiegħi li ħafna drabi t-tfal isibu ruħhom fi problema għal diversi affarijiet. Allura ċ-ċentru tagħna, f’moħħna l-priorità se tkun it-tfal se jkollhom happy upbringing. Allura s-support group ħa jkun Happy Childhood Foundation”.

Martha qalet li sa issa rnexxielha terġa’ tgħannaq fi ħdanha wieħed minn uliedha iżda qatt ma tista’ tinsa liż-żewġ uliedha oħra.

Fi kliemha, il-morr għadu hemm iżda reġgħet bdiet iduq ftit mill-ħlewwa li l-ħajja tagħti wkoll.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend