Il-baġit se jkompli jtejjeb l-infrastruttura – One News

Notifiki

Il-baġit se jkompli jtejjeb l-infrastruttura

Fost il-166 miżura fil-baġit għas-sena d-dieħla, hemm uħud li se jkomplu jtejbu l-infrastruttura tal-pajjiż.

Fi Triq il-Kunvent f’Ħaż-Żabbar, waħda mit-toroq li tlestiet dan l-aħħar bħala parti mill-proġett ta’ €700 miljun, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg tkellem dwar il-miżuri li se jkomplu jindirizzaw l-isfidi fit-toroq Maltin u Għawdxin. 

Semma l-€100 miljun li se jissarrfu biex jitranġaw għadd ta’ toroq fil-pajjiż, u l-ftehimiet mal-privat għal spazji ta’ parkeġġ.

Konxju kemm it-trasport pubbliku bla ħlas huwa ta’ benefiċċju għall-familji, u anki jgħin biex tonqos il-konġestjoni tat-traffiku, il-Ministru Borg innota li t-trasport pubbliku bla ħlas se jkun estiż għal żgħażagħ ta’ 14 u 15-il sena wkoll u għal dawk li għalqu l-20 sena u għadhom jistudjaw fuq bażi full-time.

Qal li għaddejjin diskussjonijiet biex it-trasport pubbliku jkun b’xejn ukoll għall-persuni b’diżabilità u għall-anzjani.

Il-Ministru Borg saħaq li t-trasport pubbliku jrid jissaħħaħ ukoll fuq il-baħar.

 

“Is-suċċess li hemm bil-ferries permezz ta’ traġitti bejn il-Kottonera, il-Belt Valletta u Tas-Sliema jiġi estiż f’lokalitajiet oħra. Issemmew San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Ta’ Xbiex, irridu naħdmu fuqhom ħalli naraw li dan is-servizz nestenduh ukoll”.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius innota kif il-Gvern estenda għal sena oħra l-inċentiv fejn xerrejja li jixtru residenza f’Għawdex igawdu minn tnaqqis fir-rata tal-boll, minn ħamsa fil-mija għal tnejn fil-mija.

Semma wkoll is-suċċess tal-miżura tal-First Time Buyers, li biha l-Gvern għen eluf ta’ koppji żgħażagħ li daħlu għall-ikbar investiment ta’ ħajjithom.

 

“Illum, wara li din l-iskema ilha li ġiet varata seba’ snin, qed naraw li terġa’ titkompla għaliex sas-sena l-oħra, mnndu din l-iskema telqet, saru mat-12,000 kuntratt ta’ first-time buyers”.

Iż-żewġ membri tal-Kabinett temmew jgħidu li dan huwa l-mod li bih il-Gvern se jkompli jaħdem biex jgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli ħalli verament Malta u l-Maltin jgħixu s-suċċess.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend