Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru jirbaħ €5,000 f’danni f’kawża ta’ libell kontra TMI – storja li bdiet mill-blog ta’ DCG – One News

Notifiki

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru jirbaħ €5,000 f’danni f’kawża ta’ libell kontra TMI – storja li bdiet mill-blog ta’ DCG

Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri rebaħ libell fil-konfront ta’ The Malta Independent wara li artiklu li ġie ppubblikat f’Mejju tal-2016, instab mill-Qorti li kien malafamanti fil-konfront ta’ Schembri.

L-artiklu kien allega li fil-Bank HSBC kienet għaddejja investigazzjoni b’rabta ma’ dokumenti foloz li jinvolu l-kumpanija Kasco .

Dawn ir-rapporti kienu frott artiklu ppubblikat fuq is-sit tal-blogger Daphne Caruana Galizia fis-6 ta’ Mejju tal-istess sena u li fih iddeffes wkoll Malcolm Scerri, is-Segretarju tal-kumpanija msemmija.

Keith Schembri u Malcolm Scerri mill-ewwel kienu ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet

L-artikli li fuqhom sara il-libell huma “Panama Papers: HSBC investigation expected into alleged fraudulent documents vouching for Keith Schembri and Malcolm Scerri” u “Probe expected into alleged fraudulent documents vouching for Keith Schembri, Malcolm Scerri.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti nnotat li qabel ġiet ippubblikata l-istorja Pierre Portelli, l-id il-leminja ta’ Adrian Delia u li dak iż-żmien kien responsbbli mill-kontenut tal-gazzetta, kien ġie mgħarraf minn Franco Alosio, uffiċjal tal-bank li l-istorja li bdiet Caruana Galizia kienet imsejsa fuq żball amministrattiv tal-Bank HSBC.

Fil-qorti, Lawrence Pace, uffiċjal ieħor tal-bank kkonferma li sar żball min-naħa tiegħu.

Fid-deċiżjoni tagħha,il-Qorti qalet li l-gazzetta għażlet li tagħmel tagħha storja li dehret fil-blog tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u għamlet tagħha assersjonijiet fuq il-blog.

Ingħad li għalkemm l-artikolist ma identifikax ruħu fl-artikolu, Pierre Portelli kien il-persuna li għamel kuntatt mal-uffiċjal tal-Bank HSBC Franco Alosio, dakinhar stess li ħarġet l-istorja fuq is-sit ta’ Caruana Galizia biex jinvestiga l-allegazzjonjiet u kien hu l-persuna li kienet ġiet mgħoddija l-informazzjoni li kien ser isir stħarriġ mill-HSBC dwar l-allegazzjonijiet li saru.

Għalhekk il-Qorti qalet li Pierre Portelli għandu jerfa’ r-responsabbiltà wkoll.

Ħareġ ukoll li Portelli ġie mgħarraf li kien jidher li sar żball amministrattiv u għalhekk ma kien hemm xejn frawdolenti min-naħa ta’ Schembri iżda l-qorti qalet li Portelli b’mod konvenjenti ħalla dan il-fatt barra mill-istorja.

Il-Qorti qalet li Portelli għażel li ma jixhidx fil-kawża ta’ libell u għalhekk qagħdet fuq dak li qal Franco Alosio, l-uffiċjal tal-Bank saħaq li huwa kien għarraf lil Portelli minnufih li dan kien żball amministrattiv.

Il-Qorti qalet li dan kien fatt ta’ interess pubbliku kbir għall-qarrejja tal-ġurnal u tas-sit elettroniku tal-gazzetta iżda b’mod konvenjenti ma ġiex ippubblikat fl-artikolu.

Il-Qorti saħqet li jirriżulta ċar li meta Portelli ppubblika l-istorja, l-intenzjoni tiegħu ma kinitx biex jgħaraf lill-qarrejja bi storja li jista’ jkollha interess pubbliku, iżda kienet biex ittenni l-allegazzjoni ta’ Caruana Galizia li Keith Schembri u Malcolm Scerri użaw dokumentazzjoni falza biex jiftħu kumpaniji barra minn Malta.

Il-qorti nnotat ukoll li l-gazzetta ppubblikat bosta kummenti fuq is-sit tagħha li kienu libellużi u malafamanti fil-konfront ta’ Schembri u għalhekk iridu jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom.

Fl-għeluq tas-sentenza, il-qorti saħqet li d-dritt tal-espressjoni mhux liċenzja biex tħammeġ ir-reputazzjoni ta’ ħaddieħor u mbagħad tipprova tistaħba wara dan id-dritt.

Fid-dawl ta’ dan il-qorti kkundannat lill-editur ta’ The Malta Independent David Lindsay, lil Stephen Calleja, l-editur tal-website u lil Pierre Porelli jħallsu €5,000, wieħed mill-akbar ammont f’każijiet ta’ libell.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *