Esperti ekonomiċi jgħidu li bil-baġit, kulħadd se jkun parteċipi f'ekonomija mill-aqwa | One News

Notifiki

Esperti ekonomiċi jgħidu li bil-baġit, kulħadd se jkun parteċipi f’ekonomija mill-aqwa

Wara li t-Tnejn li għadda l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta l-baġit għas-sena d-dieħla, ir-reazzjonijiet komplew jaslu mhux biss mill-partijiet ikkonċernati iżda anke mill-esperti ekonomiċi.

 

Waqt il-programm Dissett fuq l-istazzjon nazzjonali, l-ekonomista Alfred Mifsud sostna li l-miżuri mħabbra għandhom l-għan li kulħadd ikun parteċipi f’ekonomija mill-aqwa:

“Filwaqt li jżomm l-ajruplan itir, min forsi mhux jipparteċipa biżżejjed fit-titjira, b’xi mod jieħu ħsiebu, allura kellek miżuri twal ħafna li ma jaffettwawx lil kulħadd, imma jaffettwaw numru żgħir ta’ nies jew setturi żgħar”.

Dan filwaqt li l-ekonomista Stephanie Vella, irrimarkat kif il-baġit wera li l-finanzi tal-Gvern huma b’saħħithom u kkaraterizzati minn surplus fiskali:

“Juri li hekk hu l-ekonomija miexja mingħajr ħafna involviment tal-Gvern, mingħajr major invovlment tal-Gvern, u għaddejja b’ritmu tajjeb u qiegħda tikber, u allura qisu l-involviment tal-Gvern f’dan il-bagit kien iktar partikolari f’ċertu setturi”.

Is-Sur Mifsud fisser l-ekonomija bħala waħda sostenibbli, hekk kif hemm bilanċ bejn in-nefqa u ż-żieda fl-ekonomija:

“Meta tikkumpara kemm qed tiżdied in-nefqa ma kemm qed tiżdied l ekonomija f’termini nominali, il-persentaġġi huma stabbli ħafna”.

Hawnhekk semma is-surplus u t-tnaqqis fid-dejn. Żewġ elementi li jekk fil-futur l-ekonomija tbatti, il-Gvern jista jimmanuvra fiskalment grazzi għal din il-ħidma bil-għaqal li tkun saret.

Mistoqsija dwar l-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni għad-diskors tal-baġit, il-konsulent finanzjarju Paul Bonello qal li Adrian Delia huwa maqtugħ mir-realtà:

“Bir-rispett kollu, jien naħseb li dik l-istampa li qed jagħti ma tirrappreżentax ir-realtà. Il-problemi ekonomiċi li għandna huma l-problemi li joħorgu minn ġid, u ġid li qed jiżdied b’mod eċċessiv forsi”.

Is-Sur Mifsud qal ukoll li Delia mhux qed ikun realistiku:

“Il-kritika li tgħid li mhux se tinbidel il-ħajja tal-pensjonati li meta dawn żdiedu b’€4.50 fil-ġimgħa, li tgħid li ż-żieda fis-sussidju tal-kera li togħla b’mod qawwi ma tagħmilx differenza fis-suq tal-kera, naħseb li m’intix tkun realistiku u m’intix tkun fattwali”.

Waqt il-programm, il-kelliema kkundannaw ukoll l-attentati li saru minn diversi esponenti Nazzjonalisti biex jimminaw ir-reputazzjoni ta’ Malta.

Appellaw biex fejn ikun hemm bżonn titranġa xi ħaġa, tkun diskussa lokalment u mhux titperreċ mal-erbat irjiħat tad-dinja.

Il-mistiedna tal-programm qablu wkoll li l-ħaddiema barranin huma parti importanti tal-ekonomija Maltija.

Dan hekk kif qed naslu f’punt fejn ir-riżorsi kollha qed ikunu eżawriti filwaqt li hemm bżonn ta’ ħiliet li l-Maltin m’għandhomx.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend