ARA: Il-miżuri tal-budget se jkomplu jtejbu l-ħajja soċjali – One News

Notifiki

ARA: Il-miżuri tal-budget se jkomplu jtejbu l-ħajja soċjali

Il-miżuri tal-Budget għas-sena d-dieħla se jkomplu jtejbu l-ħajja soċjali tal-familji, tfal, anzjani u persuni b’diżabilità.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li ż-żieda fiċ-Children’s Allowance lil kull familja li għandha dħul ta’ inqas minn €20,000 fis-sena se jibbenefikaw minnha kważi 25,000 tifel u tifla.

Qal li din il-miżura se tiswa €2 miljun fis-sena u se tara l-ogħla rata tiżdied sa sitta u disgħin ewro fis-sena għal kull wild. Dan għal benefiċċju ta’ madwar 24,600 tifel u tifla. Qal li din hija l-ewwel żieda fil-benefiċċju fi 11-il sena.

Dwar il-benefiċċju tal-in-work benefit qal li issa se tingħata żieda ta’ bejn €50 u €100 għal kull wild ta’ persuna li tidħol fid-dinja tax-xogħol.

Il-Ministru Falzon saħaq li waqt li l-budget fih bosta miżuri li jgħinu finanzjarjament lil familji, il-Gvern ta kas ukoll il-bżonn ta’ bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħolL

“Hemm ħafna miżuri li huma indirizzati biex itejbu l-kwalità tal-ħajja, ma ninsewx ukoll il-ġurnata leave. Ġurnata leave, ħaddieħor ħa l-leave mingħajr konsultazzjoni.  Dan il-Gvern għat-tieni darba qiegħed jagħti ġurnata leave.”

Dr Falzon qal li l-Baġit żied tliet miljun ewro lill-FSWS, fondazzjoni li taħdem ma’ tfal vulnerabbli u l-familji tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qal li l-Baġit alloka żieda ta’ €34 miljun f’servizzi għall-anzjani fil-komunità u fid-djar tal-anzjani u ta’ €23 miljun lill-qasam tad-diżabilità.

Qal li allowance għat-tfal b’diżabilità se terġa tiżdied b’ħames ewro għal 25 ewro.

Is-Segretarju Parlamentari żied li l-assistenza għall-persuni b’diżabilità li ma jistgħux jaħdmu se tiżdied minn €140 għall-€150 fil-ġimgħa:

“Aħna napprezzaw ħafna r-role li jgħatu l-ġenituri, it-tfal tagħhom u l-qraba tagħhom.  Naprezzaw ukoll l-aħwa, ir-role qawwi li għandhom l-aħwa f’dan is-settur. Aħna wkoll bħala gvern se noffru 20 sodda li tkun tista’ tintuża minn żmien għall-ieħor għal persuni b’diżabilità severa li jkollhom bżonn imorru hemmhekk għar-respite”.

Is-Segretarju Paralmentari qal li se jibdew diskussjonijiet biex kategoriji ta’ persuni b’diżabilità tingħatalhom it-Tal-linja Card b’xejn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend