Bonus Paterfamilias | One News

Notifiki

Bonus Paterfamilias

Ir-Rumani kienu kapaċi mhux biss fil-gwerer u fil-bini kbir u majestuż li ħallew warajhom ma’ kull fejn kienu.  Ħallew ukoll warajhom sensiela ta’ liġijiet u  prinċipji li għadhom hemm sal-lum f’ħafna sistemi, inkluż f’tagħna.  Umbagħad  hemm saħansitra d-Dutch Roman Law,  li hija s-sistema tal-Olanda.   Imma nħalluna minn dan kollu,  għalkemm interessanti.  Ir-Rumani vvintaw il-kunċett tal-Bonus Paterfamilias, li tfisser “il-missier tajjeb tal-familja”.

Il-Bonus Paterfamilias kellu fuq spallejh ir-responsabbiltà kollha tal-familja,  li ma konitx tinkludi biss lil martu u lil uliedu,  imma anke l-ġenerazzjoni ta’ qabel, u ta’ wara, insomma, fi ftit kliem kien responsabbli għar-razza u r-radika, kif ngħidu aħna. 

U biex ikollu l-kwalitajiet tar-raġel tajjeb tal-familja,  kien ifisser li jkollu l-għaqal u l-galbu,  kif jagħmel kollox bil-qies u fis-sewwa,  u mhux biss ikattar il-ġid għall-familja, imma jieħu ħsieb li fejn hemm l-aktar bżonn iwieżen skont il-ħtieġa.

Għalhekk rajtha stramba u bla sens li Adrian Delia u t-trumpetta msejħa UĦM joħorgu jgħidu li l-budget ħa ħsieb irqajja tal-poplu, imma ma kellux viżjoni għal quddiem.

Fiż-żmenijiet imgħoddija l-budgets kienu jagħtuhom isem.  Wieħed li niftakar kien ta’ George Bonello Dupuis li kien semmih il-Budget tal-Feniċi, jew Phoenix, għasfur li skont il-mitoloġija, mill-irdim kien qam lura għall­­­-ħajja.  Kieku dan il-budget jien nagħtih l-isem tal-Bonus Paterfamilias.

Għax mhux biżżejjed li l-Gvern ifassal programm li jiżdied il-ġid.  Miegħu, jekk ikun Gvern ta’ kuxjenza u tal-galbu,  jidħol l-aspett l-ieħor importanti ħafna ta’ kif jitqassam il-ġid.  Hemm pajjiżi fl-Afrika li huma sinjuruni,  imma meta tara kif qed jgħixu n-nies tinduna li mhux kollox ward u żahar.  L-istatistika titkellem ras għal ras,  imma mhux biżżejjed.  Jekk jien niekol  sitt pasti fil-ġimgħa,  u inti qiegħed ma’ ġenbi u ma tiekol xejn,  ras għal ras nieklu tlieta kull wieħed.  Imma din mhux verità.

Il-Gvern l-ewwel dawwar ir-rotta tad-dejn, infieq bl-addoċċ, ħela u korruzzjoni,  u meta l-ekonomija ġiet fuq saqajha,  wasal dejjem iż-żmien li rqajja tas-socjetà li huma minn taħt,  il-Gvern jieħu ħsiebhom. Mhux se noqgħod nintilef fuq id-dettalji tal-budget,  imma kulħadd jaf,  anke Adrian Delia u l-UĦM,  li hawn setturi tal-popolazzjoni li messhom ftit aktar mill-cake.  U hekk huwa sewwa.

Għax nerġa’ naqbad fuq il-figura tar-raġel tajjeb tal-familja.  L-ewwel dmir tiegħu li jżid il-qliegħ,  it-tieni li ma jberbqux u jaħliħ fil-vizzji,  imma t-tielet li jagħti lil kull wieħed minn uliedu dak li għandu bżonn u li ħaqqu.  Għalhekk min għandu għax igerger li l-penzjonanti jagħmlu pass ‘il quddiem,  li t-tfal aktar jitgħallmu b’anqas spejjeż,  li l-istudenti tal-Università jkollhom stipendju aħjar?

Hekk ikun tajjeb il-misser tal-familja.  U jistgħu jivvintaw li jridu l-ġurnali barranin. Il-Maltin ma jaqrawhomx, u l-Maltin jafu aħjar mill-ġurnalisti.  U jidher li lanqas il-barranin mhuma mpressjonati.  Il-Belt kienet fgata fit-turisti!

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend