ARA: Il-Unjins pożittivi għat-tieni baġit bla taxxi – One News

Notifiki

ARA: Il-Unjins pożittivi għat-tieni baġit bla taxxi

‘Ippjanar ekonomiku għat-tisħiħ tas-soċjetà.’

Hekk iddeskriva l-mod kif ġie ppjanat il-baġit għall-2019, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja li saħaq kemm permezz ta’ dan il-baġit, il-Gvern qed juri kemm huwa verament qrib il-ħaddiema:

“Diversi miżuri li qed jgħinu lil diversi faxex tan-nies. Għandek il-housing soċjali, il-kirjiet, il-pensjonanti, pensjoni tad-diżabilità, allowances, għajnuna medika lil min ma jiflaħx iħallas, edukazzjoni, estensjoni ta’ trasport b’xejn. Diversi miżuri biex ħadd ma jibqa’ lura fis-soċjetà tagħna”.

Kellu kliem ta’ tifħir ukoll Josef Vella mill-Unjin Ħaddiema Magħqudin, li laqa’ b’mod partikolari l-miżura li se tissarraf fir-raba’ żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet.

“Nilqgħu l-għajnuna lill-pensjonanti inkluż il-COLA, rajna wkoll il-ġurnata oħra leave li kienet kif miftehma, rajna l-MATSEC ikompli jkun bla ħlas xi ħaġa tajba, rajna mediċini tal-kanċer li ħa jkomplu jingħataw u jiżdiedu b’xejn dawn huma kollha pożittivi”.

F’kumment skjett iżda ċar, Marco Bonnici mill-FORUM qal li dan il-baġit ikompli juri l-konsistenza fil-ħidma tal-Gvern.

Dan filwaqt li stqarr li xtaq aktar miżuri li jħeġġu liż-żgħażagħ jagħżlu l-professjoni ta’ edukaturi.

“Bħala FORUM rajna li kien hemm ċertu għajnuna lill-familji, għajnuna lill-pensjonanti u liż-żgħażagħ u dawk kollha huma pożittivi”.

Il-President tal-Unjin tal-Qwiebel u l-Infermiera Colin Galea laqa’ s-surplus u l-investiment biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ċertu professjonisti:

“Nilqgħu u rridu nesploraw il-punt dwar l-impjegati fis-servizz pubbliku li se jkollhom inċentiv min jirtira jkompli jaħdem għax dan jista’ jkun li jfisser li l-membri tagħna jistgħu wkoll igawdu mis-sectoral u l-collective agreement”.

Ir-rappreżentati tal-unjins kollha li tkellmu ma’ dan l-istazzjon, ilkoll kienu sodisfatti bil-fatt li għat-tieni sena konsekuttiva, dan il-baġit ma kienx fih taxxi ġodda.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend