ARA: Il-Budget għall-2019 mal-ewwel daqqa t’għajn – One News

ARA: Il-Budget għall-2019 mal-ewwel daqqa t’għajn

Il-Ministru għall-Finanzi ħabbar il-budget għas-sena 2019, it-tieni wieħed f’din il-leġislatura, u t-tieni budget fl-Istorja ta’ Malta li ma daħħal ebda taxxa ġdida fuq il-poplu Malti.

Dan huwa t-tielet budget b’surplus, ir-raba’ budget li żied il-pensjonijiet, u s-seba’ budget li ra tnaqqis fit-taxxa tad-dħul.

Dawn huma bosta mill-miżuri ewlenin tal-Budget 2019: 

Tqassim tal-ġid

  • Se jingħata kumpens ta’ €2.33 għall-għoli tal-ħajja;
  • Il-kumpens għall-għoli tal-ħajja se jingħata prorata fl-istipendji;
  • Il-ħaddiema se jibbenefikaw minn ġurnata oħra leave, it-tieni waħda miżjuda f’sentejn;
  • Il-ħaddiema bil-paga minima se jieħdu wkoll żieda ta’ €3 fil-ġimgħa minbarra l-kumpens għall-għoli tal-ħajja ta’ €2.33 ;
  • Il-Paga minima se tibqa’ ma tiġix intaxxata;
  • Familji b’paga minima se jieħdu żieda ta’ €96 fiċ-children’s allowance għal kull wild (jekk jaqilgħu inqas minn €20,00 f’sena);
  • €40 – €68 f’rifużjoni tat-taxxa għat-tieni sena, miżura li se tolqot 200,000 ħaddiem
  • Min jaħdem għal rasu se jkun jista’ japplika għall-benefiċċji tal-qgħad skont il-kontribuzzjonijiet imħallsa;
  • Membri tal-Forzi tas-Sigurtà li jmutu jew isofru diżabiltà permanenti waqt ix-xogħol se jingħataw kumpens;
  • 92,000 pensjonant se jieħdu żieda ta’ b’€4.50 fil-ġimgħa inkluża l-COLA
  • Żieda fil-bonus ta’ €50 għal dawk li ma ħallsux bolol biżżejjed bejn sena u ħames snin. Il-benefiċċju se jiżdied minn €150 għal €200 fis-sena. Min ħallas aktar minn 5 snin bolol se jiżdied minn €250 għal €300;
  • Se jingħata ħlas lura tal-VAT li tħallset żejda fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi li nxtraw fl-2008. Dan se jkun l-aħħar pagament biex il-Gvern ikun ta €25miljun lura lill-familji;
  • Persuni b’diżabiltà li ma jistgħux jaħdmu se jingħataw €150 fil-ġimgħa minflok €140. 600 persuna oħra se jkunu jibbenfikaw minn din il-miżura;
  • Ġenituri ta’ tfal b’diżabiltà se jingħataw €25 fil-ġimgħa, żieda ta’ €5 fil-ġimgħa;
  • Ġenituri ta’ tfal fi skejjel indipendenti se jibbenefikaw minn rifużjoni tat-taxxa, b’żieda ta’ €300 għal kull wild.
  • Se tingħata rifużjoni tat-taxxa ta’ €70 fuq xiri u installazzjoni ta’ Reverse Osmosis fid-djar;
  • Koppji se jingħtaw rifużjoni tat-taxxa fuq spejjeż tat-tieġ, li issa se tlaħħaq l-€2,000;
  • Xerrejja se jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 5% minn fuq e-books jew strumenti mużikali, anke jekk jinxtraw mnn barra;
  • Se jkun hemm ukoll tnaqqis fit-taxxa tal-boll minn 5% għal 1.5% għal trasferiment tan-negozji se jkun estiż b’sena.

Akkomodazzjoni soċjali

  • Se jitkompla l-proġett ta’ €50 miljun għall-bini ta’ 700 residenza ġdida;
  • Se tkompli r-riġenerazzjoni ta’ oqsma ta’ djar diġà eżistenti;
  • Persuni li għandhom aktar minn 40 sena li jixtru dar se jħallsu nofs il-propjetà u jissellfu għan-nofs l-ieħor. Il-Gvern se jkun qed iħallas l-imgħax fuq dan;
  • L-iskemi tal-first-time buyers u s-second-time buyers ġew estiża għal sena oħra;
  • Propjetà li tinxtara f’Għawdex se tara tnaqqis fit-taxxa tal-boll minn 5% għal 2%.

Trasport u Infrastruttura

  • Is-servizz ta’ trasport pubbliku b’xejn se jkun estiż għal żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-20 sena;
  • Studenti ta’ bejn l-14 u l-15-il sena se jingħataw iTal-Linja Card b’xejn;
  • Żgħażagħ li għandhom aktar minn 20 sena, u għadhom jistudjaw fuq bażi full-time, ukoll se jibbenefikaw minn trasport pubbliku b’xejn;
  • Il-Gvern se jinvesti €100 miljun għall-bini ta’ toroq ġodda bħala parti mill-wegħda elettorali biex jinbnew it-toroq kollha ta’ Malta;
  • Se jiddaħħlu skemi ġodda biex żviluppaturi joħolqu parkeġġi ġodda l-aktar f’żoni urbani;
  • Se jkunu estiżi bosta inċentivi fosthom l-eżenzjoni minn kull taxxa ta’ reġistrazzjoni lil kull min jixtri karozza elettrika jew hybrid u l-iskema ta’ skrappjar ta’ vetturi.

 Għawdex

  • Adulti li jaqsmu lejn Malta ma’ Għawdxin biex jieħdu trattament mediku f’Malta se jingħataw rifużjoni fuq il-biljett tal-vapur;
  • Maltin li jaqsmu lejn Għawdex biex jieħdu trattament mediku se jingħataw rifużjoni tal-biljett tal-vapur;
  • Il-ħaddiema kollha Għawdxin li jiġu jaħdmu Malta se jgawdu minn rifużjoni tal-biljett tal-vapur;
  • Għawdxin li jaħdmu mal-Gvern, se jingħataw kumpens ta’ €1.50 kuljum għal servizz ta’ trasport kollettiv.
  • Se jkun estiż is-sussidju taħt l-iskema akkomodazzjoni soċjali għall-istudenti Għawdxin li jidħlu fi spejjeż oħra biex jiġu jistudjaw u jikru post f’Malta;
  • L-iskema ta’ rifużjoni ta’ 30% tal-paga medja għal kull impjieg ġdid maħluq fis-settur privat f’Għawdex se tiġi estiża wkoll.

Edukazzjoni u Sport

  • L-eżamijiet kollha tal-MATSEC u tas-SEC se jiġu mingħajr ħlas mis-sena d-dieħla;
  • 18-il spazju miftuħ fi 15-il lokalità madwar Malta u Għawdex se jiġu mtejba b’investiment ta’ €600,000;
  • L-istudenti tal-iskola Sekondarja se jidħlu b’xejn fis-siti kollha ta’ Heritage Malta. Magħhom se jkunu jistgħu jidħlu wkoll żewġ adulti b’xejn;
  • NGOs żgħar li jdaħħlu anqas minn €10,00 ewro se jkunu eżentati mit-taxxa.
Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend