Is-saħħa u l-edukazzjoni jissaħħu – One News

Notifiki

Is-saħħa u l-edukazzjoni jissaħħu

Il-ħidma tal-Gvern fis-saħħa u fl-edukazzjoni se tkompli tiġi kkonsolidata fil-budget għas-sena d-dieħla.

Iżda hemm ukoll miżuri li mistennija jkomplu jagħmlu differenza għall-aħjar f’ħajjet in-nies.

Konxju mill-fatt li s-saħħa mentali għadha tabù u l-istigma dwar dan trid titkisser, il-Gvern se jsaħħaħ il-faċilitajiet għal kura tas-saħħa mentali.

Il-Gvern se jinvesti fi klinika tas-saħħa mentali fit-Tramuntana ta’ Malta, kif ukoll ċentru ta’ matul il-jum u hostels li jkunu jistgħu jżommu pazjenti bi problemi minuri ta’ natura mentali biex jibqgħu jgħixu fil-komunità.

Fid-dawl li anki l-kuxjenza dwar l-awtiżmu qed tisaħħaħ, se tiġi żviluppata klinika speċjalizzata fl-iskola primarja tal-Marsa li tipprovdi terapija f’waqtha lil tfal affettwati bl-awtiżmu.Mater Dei se jara wkoll binja ġdida għas-servizz tal-outpatients.

Miżura sinjfikanti hija dik tal-għajnuna medika mhux kontributorja, bi ftit aktar minn €5 fil-ġimgħa għal persuni miżżewġin li jbatu b’mard kroniku.

Il-kirurgi se jkollhom tagħmir robotiku biex iwettqu operazzjonijiet aktar delikati li jeħtieġu preċiżjoni kbira.

Il-Ministru għall-Finanzi semma kif il-kura primarja qed tkompli tilħaq in-nies, partikolarment iċ-ċentru pubbliku tas-saħħa f’Raħal Ġdid ra diversi proġetti pilota jitwieldu fi ħdanu.

Huwa għalhekk li mis-sena d-dieħla dan il-mudell li qeda l-bżonnijiet tas-saħħa għan-nies fin-nofsinhar tal-pajjiż issa se jkun applikat f’ċentru pubbliku ieħor għan-nies fit-Tramuntana.

Il-Gvern se jkompli jinvesti f’aktar mediċini biex jassigura l-kura t’aktar pazjenti Maltin u Għawdxin.

Dwar l-edukazzjoni, miżura importanti hija li għall-ewwel darba dawk li se jpoġġu għall-eżamijiet tal-Matsec se jagħmlu dan mingħajr ħlas.

Il-ġenituri li jibagħtu t-tfal kollha fi skejjel indipendenti se jgawdu wkoll mit-tnaqqis fit-taxxa għall-miżati sa massimu ta’ €2,600, jiġifieri żieda ta’ €300 għal kull wild.

Il-Gvern se jkompli jinvesti fl-edukaturi, wara l-ftehim settorali li ra titjieb fil-kundizzjonijiet tagħhom u żieda fis-salarji.

Fil-budget għas-sena d-dieħla numru t’għalliema supply se jkunu jistgħu jaqilbu bħala għalliema regolari wara li jtemmu b’suċċess korsijiet offruti mill-istitut għall-edukazzjoni.

L-istudenti se jibqgħu l-qalb tal-qasam edukattiv, hekk kif l-iskejjel se jaslu fit-tielet fażi tal-pjan imsejjaħ, il-vjaġġ tiegħi, nasal minn toroq differenti.

Dan il-programm se jagħti opportunità ta’ ġejjieni interessanti għal kull studenti, skont l-abilitajiet u l-inklinazzjonijiet ta’ kull tifel u tifla.

Bil-għan li jitnaqqas l-istress fost l-istudenti, minn din is-sena skolastika se jitneħħew l-eżamijiet ta’ nofs is-sena, gradwalment.

Minflok se jidħol l-assessjar kontinwu fil-klassi.

Mis-sena d-dieħla wkoll l-istudenti kollha li jattendu skejjel sal-livell sekondarju tal-Istat, tal-Knisja jew Indipendenti se jkunu intitolati biex iżuru flimkien ma’ żewg adulti magħhom is-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta mingħajr ħlas.

Iż-żgħażagħ ukoll jissemmew bi prominenza fil-budget, fejn apparti li issa hemm il-vot sittax, jissemma l-iżvilupp ta’ servizz ta’ youthwork reġjonali.

Dan il-proġett edukattiv informali se jkun offrut fl-iskejjel wara l-ħin tal-iskola.

L-isport ukoll se jkompli jgawdi minn investiment u għalhekk se jissoktaw it-tħejjijiet b’rabta max-xogħol fuq il-pixxina ta’ fuq ġewwa fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.

Il-Gvern se jimbarka wkoll fuq il-programm ta’ sentejn li matulhom se jirreġenera 18-il post fi 15-il lokalità f’Malta u Għawdex b’investiment ta’ sitt mitt elf ewro.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend