Baġit 2019: Miżuri ġodda li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji – it-tieni baġit bla taxxi | One News

Notifiki

Baġit 2019: Miżuri ġodda li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji – it-tieni baġit bla taxxi

Fl-istess jum li sar magħruf li Malta rreġistrat l-akbar surplus fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea matul l-2017, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ppreżenta t-tieni baġit tal-leġislaturi l-ġdida b’sensiela ta’ miżuri ġodda u oħrajn estiżi li se jkomplu jifirxu l-ġid li qed jinħoloq fost il-familji Maltin u Għawdxin. 

Bit-tema għas-sena d-dieħla ta’ Malta, Ngħixu s-Suċċess, il-Professur Scicluna qal li l-Gvern żamm sod il-viżjoni tiegħu li jara lill-pajjiżna klassifikat fost l-aqwa pajjiżi fl-Unjoni Ewroepa sew ekonomikament u soċjalment. Qal li din il-viżjoni mhux biss saret realtà izda qed tiġi aċċettata tant li qed tittieħed for granted.

“Sena wara sena, xahar wara l-ieħor qed inkomplu niksbu riżultati pożittivi. dan sew f’dak li hu tkabbir ekonomiku, żieda fl-impjiegi, tnaqqis fil-qgħad, inkluż dak taż-żgħażagħ, surplus fil-kont pubbliku u ieħor fil-kont estern tal-pajjiż, żieda fl-investiment mill-maltin u l-barranin, żieda fil-konsum privat, żieda fl-esportazzjoni u fis-settur turistiku, inkluż żieda fir-rotot tal-ajrupalni lejn pajjiżna, tnaqqis fid-dejn nazzjonali u l-bidu ta’ fond imdaqqas bi skop ta’ investiment soċjali għal uliedna”, qal il-Ministru Scicluna.

Waqt li sostna li l-miżuri li daħħal il-Gvern wasslu biex dawk il-familja mċaħħda mill-aktar ħwejjeġ bażiċi naqsu bl-eluf mill-2012, il-Gvern se jdaħħal miżuri li jkompli jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji.

Fost diversi miżuri mħabbra, mis-sena d-dieħla l-Gvern se jżied iċ-children’s allowance għall-familji bi dħul taħt l-20,000, żieda ta’ ġurnata oħra leave, ċekk ieħor f’rifużjoni ta’ taxxa, żieda fil-pensjonijiet lill-pensjonanti kollha ta’ €4.50 li jinkludi l-kumpens tal-għoli tal-ħajja ta’ €2.33, żieda fil-benefiċċju tal-kera u skema ta’ għajnuna għall-persuni li jagħlqu 40 sena u ma jingħatawx self mill-bank. Fl-istess waqt baġit ieħor bla taxxi ġodda.

Il-Ministru għall-Finanzi sostna li dawn il-miżuri se jidħlu fis-seħħ waqt li l-Gvern se jassigura s-sostenibbiltà tal-finanzi tal-pajjiż.

“Fl-isfond ta’ dan kollu, il-Gvern se jisgura li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sostennibbli billi jkompli jirreġistra għat-tielet sena surplus fil-fondi pubbliċi. Fl-istess waqt il-wegħda tiegħu li jnaqqas il-piż tat-taxxi fuq il-familji Maltin u Għawdxin se jżommha tant li għal dan il-baġit għat-tieni sena konsekuttiva mhux se jintroduċi l-ebda taxxa ġdida, diretta jew indiretta.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend