Opportunità għaż-żgħażagħ biex ibaħħru | One News

Notifiki

Opportunità għaż-żgħażagħ biex ibaħħru


F’riħ ivenven u b’imbatt li jaf ikun tajjeb u anki ħażin għall-baħħara, mija u wieħed u tletin dgħajsa ħallew il-Port il-Kbir ftit wara l-ħdax tas-Sibt filgħodu.

Dan f’edizzjoni rekord tar-Rolex Middle Sea Race li ġibdet l-interess ta’ bosta, li minn inħawi differenti, fosthom mill-Barakka t’Isfel, segwew it-tluq tal-opri tal-baħar, fosthom ta’ seba’ dgħajjes Maltin li qed jikkompetu f’din it-tellieqa tant prestiġjuża.

Fl-isfond tal-port mimli storja li jmiss mal-bliet storiċi tagħna u bil-ħoss tal-mewġ iħabbat mad-dgħajjes, Wilfrid Buttigieg qal ma’ dan l-istazzjon li fost dawk li kienu qed ibaħħru hemm dgħajsa mmexxija minn grupp ta’ żgħażagħ Maltin li rnexxielhom jagħmlu dan permezz ta’ finanzjament minn fondazzjoni mogħnija b’valuri tas-solidarjetà soċjali.Qal li “Il-Jarhead Young Sailors Foundation hija waħda mis-seba’ dgħajjes reġistrati Maltin f’din it-tellieqa. Hemm skop nobbli, kif għedt tgħid tajjeb ħafna, għax hija dgħajsa li l-fondazzjoni qiegħda tpoġġiha disponnbilità ta’ żgħażagħ żgħar, li kieku m’hemmx il-fondazzjoni, ħa tkun diffiċli biex dawn ikunu l-propjetarji ta’ dgħajsa ta’ sitta u tletin pied. L-ispejjeż forsi hemm min jaf u hemm min ma jafx huma fenomenali biex inti żżomm dgħajsa, mhux biss biex tixtriha imma anki biex iżommha.”

Is-Sur Buttigieg faħħar l-involviment tad-Direttorat tal-Edukazzjoni fejn qed jitħammel proġett edukattiv minsuġ mal-ibburdjar.

Buttigieg spjega li “Ħa nippruvaw inwessgħu dan il-programm għall-iskejjel mainstream, jiġifieri skejjel inġenerali u anki skejjel speċifiċi. Għax aħna nemmnu li permezz tal-isport tista’ timmotiva ż-żgħażagħ fl-edukazzjoni u anki fil-klassi, permezz ta’ xi ħaġa li naħseb li għandha tkun eċitanti għall-istudenti tagħna għax qed nitkellmu fuq dgħajsa mhux żgħira ta’ sitta u tletin pied. L-ibburdjar imma fl-aqwa tiegħu, racer ta’ veru.”

Din is-sena jaħbat il-ħamsin anniversarju mill-ewwel tellieqa u huwa stmat li l-ewwel dgħajjes jibdew jaslu f’Marsamxett għal ħabta tat-Tnejn f’nofsinhar.

Dan filwaqt li d-dgħajjes kollha li qed jipparteċipaw għandhom ċans sal-aħħar Sibt t’Ottubru biex jidħlu fil-port kenni ta’ Marsamxett.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend