Malta tkompli bl-isforzi għall-inqas tnaqqis possibbli fil-Fondi Ewropej – One News

Notifiki

Malta tkompli bl-isforzi għall-inqas tnaqqis possibbli fil-Fondi Ewropej

Waqt id-diskussjonijiet dwar il-baġit Ewropew għal bejn is-snin 2021 u 2027, Malta qed tkompli tinsisti għall-inqas tnaqqis possibbli fil-fondi Ewropej li se tkun qed tirċievi. Qal dan is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia waqt seminar organizzat mill-Malta Business Bureau. 

Is-Segretarju Parlamentari spjega kif is-suċċess tal-ekonomija Maltija se jkollu impatt fuq l-ammont li tirċievi Malta wara l-2020. Iżda Malta għad għandha bżonn fondi ewropej f’diversi oqsma.

“Magħhom qed nagħmlu l-argument iva l-ekonomija Maltija kibret u żdiedet iżda dak ifisser allura li l-Fondi Ewropej huma neċessarji għaliex aħna nixtiequ nsostnu u nikkonsolidaw dan it-tkabbir ekonomiku. Inqas fondi jfisser allura li nerġgħu mmorru lura għall-ekonomija li kellna fl-2012, 2013”. 

Dr Farrugia sostna kif bi Brexit u l-kriżijiet tal-immigrazzjoni u tat-terroriżmu, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet tnaqqis sostanzjali fil-fondi ta’ koeżjoni u tal-politika tal-agrikoltura, b’differenza mill-aħħar baġit fi tmiem il-kriżi finanzjarja fejn l-għan kien li l-Ewropa tirpilja minn bosta riċessjonijiet. Minflok se jkun hemm żieda fil-fondi għas-sigurtà.

“Illum m’għandekx dik il-kriżi imma għandek Brexit li ħa tħalli vojt fil-baġit Ewropew ta’ madwar tlettax-il biljun ewro kull sena. Għandek ukoll sfidi ġodda li ma kienx hemm dak iż-żmien: immigrazzjoni, għandek id-difiża u għandek ukoll is-sigurtà”.

Qed ikun propost ukoll li r-rata ta’ ko-finanzjament ta’ proġetti Ewropej tinżel għal-livelli li kienu qabel il-kriżi finanzjarja. F’dan il-kuntest is-surplus li qed jagħmel pajjiżna kull sena se jkun kruċjali.

“Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hija li l-parti li tiġi ko-finanzjata mill-Fondi Ewropej se tinżel minn 80% għal 55%. Dan ifisser allura li l-pajjiż, il-membru stat, aħna Malta rridu noħorġu għal kull proġett, 45% tal-ispiża. Dak ifisser li pajjiż bħala tagħna li qed jagħmel surplus se jkun vantaġġjat fuq pajjiżi oħra li fil-preżent qed jagħmlu defecit”.

Dr. Farrugia temm jgħid li fl-aħħar mill-aħħar il-mira tal-gvern hi li jkollu l-iżjed pakkett ġust possibli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend