Għada se jinfetħu korsiji ġodda mill-Marsa għal Ħal Qormi – One News

Għada se jinfetħu korsiji ġodda mill-Marsa għal Ħal Qormi

Għada se jinfetħu żewġ korsiji ġodda li jwassluk direttament mill-junction tal-Marsa ta’ ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata lejn Ħal Qormi, permezz ta’ Triq il-Gvern Lokali, li għadha kif inbniet mill-ġdid bħala parti mill-proġett tal-junction tal-Marsa.

Minn għada filgħodu, dawn il-korsiji ġodda fi Triq il-Gvern Lokali se jkunu l-uniku aċċess għal Ħal Qormi mit-toroq kollha fid-direzzjoni lejn it-tramuntana (Raħal Ġdid lejn il-Belt Valletta) li jingħaqdu flimkien fil-junction tal-Marsa.

Is-sewwieqa għalhekk għandhom isegwu t-tabelli temporanji b’kulur isfar li tpoġġew f’din il-junction, u fit-toroq li jwasslu għaliha biex jimmarkaw din ir-rotta ġdida lejn Ħal Qormi. 

Jekk wieħed ikun qed jivvjaġġa lejn Ħal Qormi minn Vjal Sir Paul Boffa (Kordin, Raħal Ġdid), Vjal Santa Luċija (Tarxien, Santa Luċija) u Triq Giuseppe Garibaldi (Luqa), jeħtieġ tgħaddi miż-żewġ korsiji ġodda ta’ Triq il-Gvern Lokali, maġenb id-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku u l-Istamperija tal-Gvern, sabiex taqbad Triq il-Marsa (ħdejn iċ-Ċimiterju tat-Torok).

Triq il-Gvern Lokali se tkun ukoll il-konnessjoni bejn Triq Giuseppe Garibaldi u Triq Aldo Moro, lejn il-Belt Valletta b’mod temporanju sakemm titlesta konnessjoni diretta ġdida meta tinbena waħda mis-seba’ pontijiet li qed jiġu żviluppati bħala parti mill-fażi li jmiss tal-proġett tal-junction tal-Marsa.

It-tieni fażi tal-proġett tal-junction tal-Marsa qed titlesta f’dawn il-ġimgħat. L-aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta se tkun qed tniedi t-tielet fażi, li tinkludi l-bini tas-seba’ pontijiet, qabel tmiem din is-sena.

Dan il-proġett kollu jinkludi l-bini ta’ toroq ġodda, sistema ta’ seba’ pontijiet f’livelli differenti, passaġġi u korsiji għall-mixi u għar-roti, faċilitajiet tal-park and ride, żoni msebbħa b’siġar u pjanti u infrastruttura oħra sabiex ittejjeb il-kwalità, s-sigurtà u l-effiċjenza ta’ l-aktar ħolqa li minnha jivvjaġġaw persuni fis-sistema tat-toroq Maltin.

Il-proġett mistenni jnaqqas b’mod drastiku l-ħin tal-ivvjaġġar u t-tniġġis tal-arja kkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku, billi jneħħi s-sistema preżenti ta’ traffic lights li hemm biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, u minflokha jinbnew 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li jwassluk b’mod dirett f’kull waħda mid-direzzjonijiet differenti li jingħaqdu flimkien f’dawn l-inħawi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend