Il-Ministru Ian Borg iħabbar il-proġetti permanenti ta’ mobbiltà sostenibbli – One News

Notifiki

Il-Ministru Ian Borg iħabbar il-proġetti permanenti ta’ mobbiltà sostenibbli

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg laqa’ lir-rappreżentanti uffiċjali tal-Kunsilli Lokali tal-Pietà, l-Għarb u Ħal Safi f’okkażjoni li fiha tħabbru l-proġetti permanenti ta’ mobbiltà sostennibli li ser ikunu implimentati minn dawn il-kunsilli.

Il-Ministru Borg spjega kif Transport Malta ħadmet qatigħ biex tiżgura li matul il-Ġimgħa Ewropea għall-Mobbiltà  jkunu  għaddejjin  diversi  attivitajiet  li  jkomplu  jrawmu  u  jagħtu  importanza  lill- intermodalità.  Fost  l-attivitajiet  ta’  din  il-ġimgħa  kien  hemm  in-National  Bicycle  Ride  fil-21  ta’ Settembru, fejn attendew 150 ċiklist minkejja t-temp ikraħ li ħareġ.

Kien  hemm  ukoll  numru  ta’ miżuri  temporanji  li  saru  mill-Kunsilli  Lokali.  Il-Ministru  semma  l- attivitajiet li ttellgħu favur iċ-ċikliżmu fl-Imqabba, f’Ħal Safi u f’Ħaż-Żebbuġ, l-attivitajiet li saru favur il-promozzjoni tal-mixi f’Ħad-Dingli, kif ukoll il-car free days li ġew organizzati mill-Awtorità stess kif ukoll mill-Kunsilli ta’ San Pawl il-Baħar u l-Għarb.

Il-Ministru kompla billi qal li bħal kull sena, kien hemm ukoll numru ta’ proġetti proposti li ntagħżlu bħala miżuri permanenti ta’ mobbiltà sostenibbli skont it-tema tas-sena. Huwa qal li din is-sena ġew magħżula l-proġetti tal-Kunsilli Lokali tal-Pietà, tal-Għarb u ta’ Ħal Safi.

Spjega kif fil-każ tal-Kunsill Lokali tal-Pietà, se jsir investiment f’vann biex jiġi implimentat kunċett ta’ car pooling favur tnaqqis ta’ vetturi waqt il-ħinijiet peak filgħodu u filgħaxija. Dan il-vann huwa maħsub biex iwassal lin-nies tal-lokalità lejn u mix-xogħol on demand f’dawn il- ħinijiet, u se jkun qiegħed jintuża bħala servizz on demand għall-anzjani u għall-istudenti kif ukoll biex iwassal lin-nies fuq il-bus stops bejn dawn il-ħinijiet, favur intermodalità u aċċessibilità.

Il-Kunsill Lokali tal-Għarb se jkun qiegħed jinvesti f’pedelecs taħt il-250 watt għaż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-18-il sena, biex jippromwovi għażliet tat-trasport iżgħar u aktar sostenibbli.

Fil-każ ta’ Ħal Safi, il-Kunsill Lokali qiegħed jipproponi l-implimentazzjoni ta’ walking school bus fejn se jiġu indikati żewġ postijiet bħala punti ta’ ġbir u hemmekk jitlaqqgħu numru ta’ tfal li mbagħad jimxu lejn l-iskola flimkien bis-superviżjoni ta’ adulti appuntati mill-Kunsill, bl-għan li titnaqqas il- konġestjoni madwar l-inħawi tal-iskola u li ssir pomozzjoni ta’ aktar attività fiżika għat-tfal.

Il-Ministru faħħar lil dawn il-Kunsilli Lokali tal-ideat li kellhom, u li lkoll qegħdin bil-mod tagħhom jippromwovu l-modal shift tant neċessarja sabiex is-settur tat-trasport f’pajjiżna jimxi ’l quddiem. “L-intermodalità u l-użu ta’ mezzi alternattivi li joħolqu inqas konġestjoni huma żewġ kunċetti essenzjali sabiex  nagħmlu  progress  f’dan  is-settur  li  huwa  tant  importanti  għas-soċjetà  tagħna.  Għalkemm m’aħniex nitkellmu fuq proġetti li jiswew il-miljuni, dawn xorta waħda jibqgħu proġetti importanti li ser jagħmlu differenza fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom u għalhekk jikkumplimentaw il-ħidma ta’ dan il il-Gvern li diġà ħa numru ta’ passi biex jippromwovi l-intermodalità u l-mezzi alternattivi fuq livell nazzjonali,” qal Borg.

Fost dawn, huwa semma l-inizjattiva Bus 20 li tat it-trasport pubbliku b’xejn liż-żgħażagħ minn 16 sa 20 sena u li ssarrfu fi 3.2 miljun vjaġġ b’xejn, jiġifieri aktar minn €1.4 miljun ffrankati mill-familji Maltin u Għawdxin u aktar minn 20,000 żagħżugħ u żagħżugħa li bbenefikaw. Huwa tkellem ukoll dwar it-titjib li qiegħed kontinwament isir fis-servizz tat-trasport pubbliku, u qal li għalkemm baqa’ xi jsir, diġà qegħdin naraw titjib fil-figuri fejn din is-sena se nilħqu l-50 miljun vjaġġ meta kkumparat mal-34 miljun vjaġġ li saru fl-2012. Huwa rrimarka wkoll dwar iż-żieda fl-użu tas-servizz tal-ferries fejn minn 66,000 fl-2012, tlajna għal aktar minn 1.3 miljun vjaġġ fl-2017.

Borg esprima r-ringrazzjament tiegħu lill-parteċipanti kollha, li kienu ippreżentaw id-diversi proġetti u lil dawk li  implimentaw il-miżuri temporanji.  Fuq kollox, il-Ministru Borg ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali biex meta jkun hemm dawn it-tip ta’ inizjattivi, jersqu ’l quddiem bi proġetti li jistgħu jagħmlu differenza fil-lokalità tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend