“Għad m’hemmx konklużjonijiet dwar Brexit minkejja li ż-żmien qed jagħfas”- il-PM – One News

Notifiki

“Għad m’hemmx konklużjonijiet dwar Brexit minkejja li ż-żmien qed jagħfas”- il-PM

Waqt li kien qed jikkumenta waqt is-Summit tal-Mexxeja Ewropej fi Brussel, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li huwa mhux se jidħol fl-ispekulazzjonijiet jekk hux se jsir Summit Ewropew f’Novembru jew le. Il-Prim Ministru Muscat qal li l-Ewropa u r-Renju Unit għadhom ma wasslux għal ftehim minħabba l-bżonn ta’ assigurazzjoni dwar dak li se jiġri rigward l-Irlanda. 

Il-Prim Ministru fakkar kif il-gżira Irlandiża li hija maqsuma fi tnejn, il-parti ta’ fuq li hija parti mir-Renju Unit, u l-parti ta’ isfel li hija Repubblika u parti mill-Unjoni Ewropea. Kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna, din mhux kwistjoni ta’ fruntiera linja dritta, għax hemm għexieren ta’ toroq li prattikament jaqsmu l-fruntiera min-naħa għall-oħra, spjega l-Prim Ministru.

Fakkar ukoll kif permezz tal-Good Friday Agreement, li kien sar taħt il-Gvern Laburista Ingliż, wassal għal sitwazzjoni fejn tneħħew il-fruntieri u kien hemm persuni li setgħu jaqsmu, u setgħu jitqassmu prodotti min-naħa għal oħra mingħajr intoppi.

“Il-problema issa hija li dawn il-fruntieri se jsiru l-fruntieri ta’ barra tal-Unjoni Ewropea, u wieħed irid jara li dak li jidħol fir-Renju Unit, la darba r-Renju Unit ma tibqax parti mill-Unjoni Ewropea, ikun per eżempju tal-istess standards tal-prodotti li jkunu fl-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ikel, fil-qasam agrikolu u fl-oqsma kollha l-oħra”, spjega l-Prim Ministru Muscat.

Żied jgħid li ħadd ma għandu dritt iġiegħel il- fabbriki Maltin jaħdmu fuq ċertu standards, u li jiddaħħlu ċertu spejjeż minħabba regoli Ewropej, umbagħad ikun permess li jidħlu prodotti fir-Renju Unit jew minn bnadi oħra li ma jkunux jaqblu mal-istandards tas-suq Ewropew għaliex ma jkunx hemm level playing field. Il-Prim Ministru nsista li l-Mexxejja Ewropej se jaraw li jipprevjenu li dan isir.

“Barra minn hekk hemm il-kwistjoni tas-sigurtà fejn hemm il-biża’ ċar ħafna li la darba dawn il-fruntieri jiddaħħlu, u jekk dawn jiddaħħlu bil-mod kif kienu nistgħu nispiċċaw f’sitwazzjoni li jkun hemm attakki terroristiċi u vjolenza f’dan ir-rigward, allura hija sitwazzjoni li hija delikata mmens. Min-naħa l-oħra, hemm ir-realizazzjoni li jekk ma jkunx hemm ftehim, xorta naslu għall-fruntieri. Fuq din għad m’hemmx żblokk, u n-negozjatur Ewropew qal li għandu bżonn aktar żmien biex jaraw naslux għal dan kollu”, tenna l-Prim Ministru, li żied ukoll li l-Ewropa mhix pożizzjoni li tgħid jekk hux se tasal għal ftehim f’Novembru li ġej, jew aktar tard, iżda li hu żgur huwa li l-ħin qed jagħfas sewwa.

Dwar l-Immigrazzjoni, Dr Muscat qal liż-żewġ oqsma li l-Mexxejja jridu jimbottaw huma l-interess Nazzjonali, li fi kliemu, qatt, u bl-ebda mod m’huma se jikkompromettuh, u anke l-interess tal-ħajja umana, li qatt ma’ jista jkun imminat. Il-Prim Ministru Muscat tenna li fl-aħħar mill-aħħar, il-buon sens bil-mod pajjiż jimxi bih huwa dak li jwassal għar-riżultati, mhux li wieħed jgħid ħafna affarijiet biex jidher popolari, iżda li jagħmel l-affarjiet biex iwettaq ir-riżultati.

Dwar is-Summit bejn il-pajjiżi Ewropej u Ażjatiċi, il-Prim Ministru qal li dan huwa forum eċitanti ħafna, anke meta wieħed iqis li wħud mill-imsieħba tal-kummerċ importanti għal Malta ġejjin mill-Asja, bħal Singapore, il-Ġappun u ċ-Ċina.

“Għalina bħala pajjiż Ewropew huwa importanti li kemm jista’ jkun il-kuntatti ma’ dan il-kontinent ikunu b’saħħithom. Aħna min-naħa tagħna f’dan is-Summit se nkunu qed nippromwovu l-kuntatti permezz tal-innovazzjoni u t-teknoloġija, qasam li fih, Malta għamlet avvanzi kbar. Dak li qed nagħmlu fil-qasam tal-blockchain ġibed ħafna attenzjoni, u issa rridu nħarsu lejn il-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali u oqsma oħra sabiex nattiraw aktar investiment lejn pajjiżna anke minn dan il-kontinent”, temm jgħid il-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend