“Bżonn ta’ għaqda iktar b’saħħitha fl-Ewropa fiż-żmien li ġej”- il-PM – One News

Notifiki

“Bżonn ta’ għaqda iktar b’saħħitha fl-Ewropa fiż-żmien li ġej”- il-PM

Li nieqfu lill-estremiżmu hija sfida li se jkollha kuraġġ simili bħal meta wara sekli ta’ gwerer bejn pajjiżi Ewropej, dawn iddeċiedew li jingħaqdu lkoll flimkien. Sostna dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt it-tnedija ta’ publikazzjoni ta’ ktieb dwar il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea. 

Il-Prim Ministru qal dan f’kunest li l-unità tal-proġett Ewropew se taffaċċja test wara l-elezzjonijiet li ġejjin tal-Parlament Ewropew. 

Dan hekk kif, il-Parlament li jmiss se jkun aktar maqsum bejn gruppi politiċi b’ideoloġiji ferm differenti.

Huwa qal ukoll li fid-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa ta’ spiss qed jintesa li l-futur huma ċ-ċittadini – li jridu Ewropa li tipproteġihom u Ewropa ta’ prosperità b’industriji li jimirħu mingħajr kontrolli żejda.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar kif il-Presidenza Maltija kienet kruċjali biex jiġu indirizzati diversi temi bħall-eleminazzjoni tat-tariffi tar-roaming u d-dħul tal-unjoni tas-swieq tal-kapital fost l-oħrajn.

Dwar l-immigrazzjoni, li kienet prijorità għall-Presidenza Maltija, huwa rrimarka li fadal xi jsir hekk kif wara tliet snin ta’ diskussjonijiet, għad m’hemmx ftehim finali fuq mekkaniżmu permanenti għall-problema tal-immigrazzjoni.

Il-publikazzjoni fuq l-Presidenza Maltija, msemmija Malta’s EU Presidency: A study in a Small State Presidency of the Council of the EU, inkitbet minn grupp ta’ letturi fl-Istitut tal Istudji Ewropej fl-Università. Id-direttur tal-Istitut Dr Mark Harwood tkellem ma’ ONE NEWS dwar x’jiddiskuti dan il-ktieb:

“Bażikament il-Gvern Malti kellu sitt areas li kienu prijorità u aħna ħadna s-sitta li huma u għamilna rendikont ta’ kemm għamlu affarijiet fihomm u jekk irnexxilhomx iwasslu għall-pjan tagħhom, u bażikament assessment ta’ x’ġara waqt il-Presidenza”.

Dr. Harwood qal li dan il-ktieb se jikkumplimenta r-reazzjoni pożittiva tal-Presidenza Maltija mal-aspett akkademiku:

“Dan huwa l-ewwel ktieb akkademiku li sar fuq il-Presidenza ta’ Malta, u għalhekk ħsibna bħala Institute for European studies fl-Università, li kellna nagħmlu dan il-ktieb, anke għal informazzjoni fuq Malta imma anka barra minn Malta biex in-nies ikunu jafu fuq il-Presidenza tagħna”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend