Malta bi prezzijiet stabbli tal-fuel fost il-pajjiżi Ewropej – One News

Malta bi prezzijiet stabbli tal-fuel fost il-pajjiżi Ewropej

Statistika uffiċjali tal-Kummisjoni Ewropea turi li, minkejjja li ż-żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt qed tħalli effett qawwi fuq il-prezzijiet tal-petrol u l-fuel fl-Ewropa, il-prezzijiet f’Malta baqgħu stabbli.

L-istatistika turi li fil-fatt, fl-aħħar ġimgħa kien hemm żidiet oħra fil-Belġju, fejn il-petrol għola b’6ċ u d-diesel żdied b’7ċ, fil-Finlandja, fejn il-petrol żdied b’4ċ u d-diesel b’7ċ, fl-Irlanda b’żieda ta’ 4ċ fil-prezz tal-petrol u fil-Litwanja b’żieda ta’ 4ċ fil-prezz tad-diesel. Bħala medja, madwar l-Unjoni Ewropea din il-ġimgħa l-prezz tal-petrol għola b’2ċ, u d-diesel żdied bi 3ċ, iżda f’Malta dawn baqgħu stabbli.

B’riżultat ta’ dan, il-familji u n-negozji f’pajjiżna komplew igawdu minn prezzijiet ferm orħos minn dawk f’pajjiżi oħra. Skont l-istatistika tal-Kummissjoni Ewropea, hemm 15-il pajjiż bi prezz tal-petrol ogħla minn Malta. Il-prezz f’pajjiżna huwa orħos minn dak imħallas minn 362 miljun Ewropew, jew 7 minn kull 10 Ewropej.   Id-diesel huwa orħos minn 24 pajjiż, b’popolazzjoni ta’ 465 miljun, jew 9 minn kull 10 Ewropej.

Il-prezz tal-petrol fl-U.E. jlaħħaq l-€1.49, 13ċ aktar minn Malta, mentri d-diesel huwa €1.41, 18ċ aktar minn pajjiżna. L-ogħla prezz tal-petrol huwa €1.69 fl-Olanda, jew 33ċ ogħla minn Malta, mentri l-ogħla prezz tad-diesel huwa €1.60 fl-Iżvezja, jew 37ċ ogħla.

Jekk wieħed iħares lejn kif inbidlu l-prezzijiet mill-bidu ta’ din is-sena, wieħed isib li waqt li f’Malta kien hemm żieda fil-prezz ta’ 5ċ, madwar l-UE kien hemm żieda ta’ kważi 13ċ fil-prezz tal-petrol u ta’ 15ċ f’dak tad-diesel. Jirriżulta li f’pajjiżna kien hemm l-anqas żieda fil-prezzijiet madwar l-UE. B’kuntrast, fi Franza kien hemm żieda ta’ kważi 17ċ u 24ċ rispettivament fil-prezz tal-petrol u f’dak tad-diesel.

Fl-Italja, iż-żieda din is-sena kienet aktar mid-doppju ta’ dik li kien hawn f’Malta.  L-istess statistika tindika li minn April 2013 kien hemm tnaqqis ta’ 7ċ fil-prezz tal-petrol u ebda tnaqqis fil-prezz tad-diesel fl-UE, mentri f’Malta kien hemm tnaqqis ta’ 15ċ fil-prezz tal-petrol u 17ċ f’dak tad-diesel.

Malta kienet il-pajjiż bl-akbar tnaqqis fil-prezz tad-diesel u tal-petrol matul dan il-perjodu, hekk kif l-istatistika tal-Kummissjoni tindika li minn mindu nbidel il-Gvern fl-2013, f’Malta l-prezz tal-petrol u d-diesel naqas b’10% u bi 12%, mentri fl-UE, it-tnaqqis fil-petrol kien ta’ 5%, filwaqt li ma kien hemm ebda tnaqqis fid-diesel. B’kuntrast, tul l-amministrazzjoni ta’ qabel, il-petrol kien ogħla b’36% u d-diesel b’35% f’Malta mentri fl-UE tul l-istess żmien, iż-żieda kienet ta’ 21% fil-petrol u ta’ 17% fid-diesel.

Filwaqt li Gvern Laburista raħħas il-prezzijiet tal-fuel aktar milli seħħ fl-UE, il-Gvern preċedenti impona żieda kważi d-doppju ta’ dik fl-Ewropa. Dan juri biċ-ċar li l-politika enerġetika tal-Oppożizzjoni li l-prezzijiet f’pajjiżna joqogħdu jixxejru mal-prezz internazzjonali, kienet twassal għal instabbiltà u piżijiet akbar għall-familji tagħna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend