It-Tosca fl-Aurora mibjugħa kollha – One News

Notifiki

It-Tosca fl-Aurora mibjugħa kollha

Il-produzzjoni ġdida tal-opra Tosca f’Għawdex hija mibjugħa kollha. Dan ġie mħabbar mit-Teatru tal-Opra Aurora li qiegħed jipproduċi din l-opra ta’ Giacomo Puccini. Jidher li l-mod ġdid ta’ kif il-produzzjoni ġiet mibnija, grazzi għal kollaborazzjoni artistika bla preċedent ġabet interess straordinarju mhux biss mid-dilettanti tal-opra imma wkoll min-nies oħra mid-dinja tal-arti u anke l-moda.

Waqt li s-surmast Colin Attard, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u l-Kor tat-Teatru tal-Opra Aurora jibqgħu kostanti, it-teatru investa f’kollaborazzjoni artistika innovattiva mar-reġista ta’ fama mondjali Vivien Hewitt, id-disinjatur tal-ħwejjeġ tal-moda Għawdxi Luke Azzopardi u l-perit Andrew Borg Wirth, dawn tal-aħħar miġjuba mid-ditta camilleriparismode. Ir-riżultat finali huwa wieħed ta’ estetika mill-aktar eleganti, li għandha tinżel tajjeb sewwa mal-konservattivi u t-tradizzjonalisti tal-opra u sewwa ma’ dawk li jħobbu daqsxejn aktar kulur u novità.

Amarilli Nizza se taħdem il-parti ta’ Tosca ma’ Stefano La Colla u Lucio Gallo fil-karattri ta’ Cavaradossi u Scarpia. Il-bqija tal-kast jinkludi lil Frano Lufi, Matteo Peirone, Roberto Jachini Virgili u Joseph Lia. Il-kast ta’ din is-sena qed ikun meqjus bħala opportunità unika fejn artisti ta’ fama mondjali qed jidhru flimkien b’dan il-mod għal Tosca, meta mhumiex biss it-tliet artisti ewlenin li huma ġejjin mit-teatri l-kbar ta’ madwar id-dinja imma anki l-artisti solisti sekondarji.

Tosca fit-Teatru Aurora hija parti mill-Gozo Cultural Support Programme tal-Arts Council Malta u l-Ministeru għal Għawdex u parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018.

Aktar tagħrif dwar l-opra Tosca minn fuq www.teatruaurora.com jew 79045779. Wieħed jista’ jerfa’ l-biljetti għal La Boheme mit-22 t’Ottubru ‘l quddiem.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend