“Daqskemm ħabbejt lit-tfal ma nħobb lil ħadd l-istess”- Maltija li għexet mal-familji fis-Sirja – One News

“Daqskemm ħabbejt lit-tfal ma nħobb lil ħadd l-istess”- Maltija li għexet mal-familji fis-Sirja

Min hu mejjet għal qatra u min hu mejjet fis-sakra. Sfortunatament fid-dinja mhux kulħadd huwa xxurtjat biżżejjed li jgħix ħajja komda fil-lussu li jġib miegħu s-seklu 21.

Bħalissa mal-fruntiera bejn il-Libanu u s-Sirja hemm eluf kbar ta’ familji Sirjani li spiċċaw jgħixu f’kampijiet hekk kif art twelidhom, is-Sirja tinsab fi gwerra.

Tkellimna ma’ Lisa Caruana, tfajla Maltija li qattgħet xahar f’din iż-żona u flimkien ma’ dawn il-familji għexet il-ħajja kemm xejn iebsa li ġġib magħha l-gwerra:

 

“Ħarbu mis-Sirja minħabba l-gwerra għax ma setgħux joqogħdu taħt dawk il-kundizzjonijiet tal-gwerra. Meta jsibu ċ-ċans, bħal per eżempju jiena jekk tinqala gwerra Malta, naħrab. ma tistax tibqa’ f’post fejn hemm il-periklu u hekk għamlu dawn”.

Fost ix-xogħol li għamlet fil-Libanu, Lisa għenet lit-tfal biex jitgħallmu aktar il-lingwa Ingliża, hekk kif fil-Libanu l-edukazzjoni tingħata biss bi ħlas u ħafna minn dawn il-familji ma jaffordjawx iħallsu l-miżati tal-iskejjel:

“L-iskola bil-flus, u mhux kulħadd għandu flus biżżejjed biex jibagħt lit-tfal l-iskola. Jekk għandek tliet itfal għandhom flus biex jitfgħu wieħed l-iskola biss.”

Lisa spjegat li l-belt li kienu qed jgħixu fiha fil-Libanu kienet tinsab madwar għaxar sigħat ’il bogħod minn waħda mill-eqqel gwerer li hawn għaddejjin bħalissa:

“Jiena kont mal-fruntieri tas-Sirja u kont siegħa ’l bogħod mill-Kapitali, imma hemm m’hemmx gwerer”.

Minkejja t-tbatija li jinsabu għaddejjin minnha dawn il-familji, laqgħu mhux ftit lill-grupp Malti; u l-imħabba li wrew dawn it-tfal kienet waħda li tħallik bla kliem:

“Għandna ħajja mgħaġġla. Daqs kemm ħabbejt lit-tfal ma nħobb lil ħadd aktar, hekk, tfal wisq ħelwin”

Ta’ QabelLi Jmiss