Kif isir ilment effettiv – One News

Notifiki

Kif isir ilment effettiv

Bħala konsumaturi niltaqgħu ma diversi sitwazzjonijiet fejn ikollna nilmentaw ma’ tal-ħanut minħabba l-fatt li prodott jew servizz li nkunu xtrajna ma jkunx qed jaħdem kif suppost jew ma jkunx kif ftehmna waqt ix-xiri. Pero’ kemm fil-fatt nafu kif għandna nġibu ruħna biex inressqu l-ilment tagħna bl-aħjar mod u nakkwistaw fl-inqas żmien possibbli dak il-kumpens jew rimedju li għandna dritt għalih bil-liġi?

L-ewwelnett għandna bżonn inkunu nafu eżatt liema huma d-drittijiet tagħna skont il-problema li nkunu qed niffaċċjaw. Din l-informazzjoni nistgħu niksbuha billi nikkuntattjaw lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u nistaqsu dwar id-drittijiet tagħna. Għaldaqstant qabel ma mmorru ngergru ma’ tal-ħanut fuq problema, tajjeb li l-ewwel ninfurmaw ruħna għal x’hiex għandna dritt.

Skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur kull oġġett li nixtru għandu jkun skont kif mifthiem ma’ tal-ħanut jew skont il-kampjun li jkun urina tal-ħanut, kif ukoll għandu jkun addattat għall-użu li prodott simili normalment jagħmel. Meta dan ma jkunx il-każ il-liġi tagħtina d-dritt li nitolbu rimedju. Dan ir-rimedju jista’ jkun forma ta’ tiswija, bdil, parti mill-flus jew il-flus kollha lura. Normalment it-tip ta’ rimedju li jintagħżel jiddependi mill-oġġett u n-nuqqas li jkun fih. Jekk l-oġġett ikun jista’ jissewwa mingħajr ma joħloqilna inkonvenjent kbir, tal-ħanut għandu dritt li jsewwi. Pero’ jekk it-tiswija ma tkunx biżżejjed, jew ma tkunx possibbli, imbagħad ikollna dritt li nitolbu l-bdil tal-oġġett. Id-dritt għall-flus lura japplika biss meta t-tiswija jew bdil ma jkunux possibbli jew ikunu ser joħolqulna inkonvenjent kbir.

Il-mod kif inressqu l-ilment u nitolbu rimedju huwa wkoll fattur determinanti biex insolvu l-problema tagħna fl-inqas żmien possibbli. L-edukazzjoni u r-rispett huma fundamentali u għalhekk qatt m’għandhom jonqsu.

Fejn hu possibbli ikun aħjar li mmorru personalment għand il-bejjiegħ għaliex il-komunikazzjoni ssir aħjar. Importanti wkoll li nitkellmu ma’ persuna li għandha l-awtorita’ tieħu ċertu deċiżjonijiet. Ikun inutli li noqgħodu nargumentaw ma impjegat li ma jistax jagħtina dak li qed nitolbu. Fl-istess waqt għandna dejjem inkunu raġonevoli f’dak li nitolbu bħala kumpens u għalhekk meta nkunu nafu li t-tiswija jew bdil ikunu ser isolvu l-problema tagħna ma nirsistux li ningħataw il-flus lura.

Huwa fl-interess tagħna li mmorru ppreparati għand tal-ħanut billi nieħdu magħna d-dokumenti kollha li għandhom x’jaqsmu mal-prodott li xtrajna bħal per eżempju l-irċevuta fiskali u l-garanzija kummerċjali, kif ukoll meta jkun possibbli, l-oġġett difettuż innifsu.

Meta naraw li bil-kelma t-tajba m’aħniex ser naslu għal ftehim, imbagħad l-ilment tagħna għandna nagħmluh bil-kitba wkoll. L-ittra tal-ilment għandha tkun indirizzata lin-negozjant u tintbgħat permezz ta’ posta reġistrata. F’din l-ittra għandna nipprovdu d-dettalji ta’ meta u minn fejn xtrajna l-oġġett jew servizz u niddeskrivu fid-dettal dak li xtrajna. Għandna wkoll nispjegaw sew x’inhi l-problema billi ngħidu x’difett fih l-oġġett jew għalfejn is-servizz m’huwiex tajjeb. Fl-ittra għandna wkoll niktbu x’sar dwar l-ilment tagħna sa dak il-mument, kemm minn naħa tagħna l-konsumaturi kif ukoll minn naħa tan-negozjant. Per eżempju, nipprovdu d-dettalji tat-tiswija li saret jew ta’ xi rimedju ieħor li ġie offrut minn naħa tan-negozjant. Tajjeb ukoll li ngħidu għalfejn dan ir-rimedju ma solviex il-problema. Fl-aħħar tal-ittra għandna ngħidu x’tip ta’ kumpens jew rimedju rridu u sakhemm żmien dan għandu jingħata.

Huwa fl-interess tagħna li nżommu kopja ta’ kull korrespondenza li nibgħatu jew nirċievu mingħand in-negozjoant u għandna wkoll nieħdu nota ta’ dak kollu li jiġri waqt li nkunu qed nagħmlu l-ilment. Bħal per eżempju nieħdu nota ta’ meta saru ċertu telefonati, lil min kellimna, u x’intqal. Jekk ser nibagħatu xi dokumenti flimkien ma’ l-ittra bl-ilment, l-oriġinali għandhom dejjem jibqgħu għandna.

Meta naraw li mhux qiegħed jirnexxilna nilħqu ftehim mal-bejjiegħ għandna nikkuntattjaw lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex  nirreġistraw l-ilment tagħna. Hekk kif jinfetaħ ilment jiġi appuntat uffiċjal biex jinvestiga l-każ u jagħmel il-medjazzjoni bejn il-konsumatur u n-negozjant.  Fl-eventwalita’ li l-anqas permezz tal-intervent tal-Uffiċċju tal-Konsumatur ma jintlaħaqx ftehim bejn iż-żewġ naħat, bħala konsumaturi niġu offruti l-possibbiltà biex jekk irridu nressqu l-każ tagħna quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.

Ta’ QabelLi Jmiss
Odette Vella ilha 15-il sena fis-settur tal-Affarijiet tal-Konsumatur, u llum il-ġurnata hija d-Direttur tal-Informazzjoni, Riċerka, u Edukazzjoni fl-Uffiċju għall-Affarijeit tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Vella tieħu ħsieb li jkun hawn għarfien xieraq fuq id-drittijiet tal-konsumatur u l-edukazzjoni tal-konsumaturi biex dawn ikunu infurmati sew waqt u wara x-xiri.

Send this to a friend