Għaxar snin mill-mewt tat-tabib u d-Deputat Karl Chircop      – One News

Notifiki

Għaxar snin mill-mewt tat-tabib u d-Deputat Karl Chircop     

Kien il-Ħadd 12 ta’ Ottubru 2008 waranofsinhar, meta ħarġet l-aħbar li it-tabib u l-eks Deputat Laburista Karl Chircop, tilef il-battalja kontra l-mewt.

Karl Chircop miet fi sptar f’Londra, wara li fit-3 ta’ Awissu 2008 kien sofra minn stroke, bil-konsegwenza li sofra minn emorraġija fil-moħħ. Mill-Isptar Mater Dei, kien ittieħed fin-National Hospital of Neurology and Neurosurgery f’Londra, fejn b’kollox għamel għaxar ġimgħat f’koma.

 

Iżda, fit-12 ta’ Ottubru, imdawwar bil-familja tiegħu, Karl kien ġie ċċertifikat klinikament mejjet.

Karl ħalla warajh lil martu Adriana u lill-erbat itfal tiegħu.  Adriana u ibnu Jan fissru kif f’dawn l-aħħar għaxar snin ma ġietx ġurnata waħda li ma ħasbux f’Karl.

Adriana spjegat li “mhux faċli, il-ħajja tkompli, imma dejjem iġġor dak l-uġiegħ”.

Meta Karl miet, ibnu Jan kien wasal fil-ħames sena tal-kors tal-mediċina. F’dawn l-aħħar snin, Jan kompla fejn ħalla missieru fil-professjoni ta’ tabib tal-familja.

Spjega kif sa jiem ilu “mort nara persuna u bdiet tibki, u tispiċċa tikkonslaha. Niltaqa’ ma’ ħafna nies hekk, għax għandi ħafna pazjenti li hu kien it-tabib tagħhom”.

Karl kien persuna altruista u jħobb jgħin, fil-fatt, wara mewtu, il-familja tiegħu kienu taw l-organi tiegħu. Adriana Chircop fissret kif ħadu din id-deċiżjoni għax dan il-ġest kompla jirrifletti l-karattru ta’ Karl.

Karl  – missier, tabib rispettat , professjonist u politiku li serva fil-Parlament malti ghal tnax-il sena. Persuna rispettata li għadu jgawdi rispett sal-ġurnata tal-illum.

Fil-fatt, Adriana ssostni li Karl “qisu għadu ħaj fil-memorja tan-nies”.

L-intervista sħiħa mal-familja Chircop tistgħu issegwuwha llejla fuq ONE News.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend