Bla ħajta – One News

Notifiki

Bla ħajta

Mhux diffiċli għalija xejn illum li nikteb dan l-artiklu.  Se nġib kelma b’kelma dak li qalet il-Qorti Kostituzzjonali fuq il-każ li fetħu l-familja ta’ Caruana Galizia.  Kellhom żewġ ilmenti.  Wieħed li l-Assistant Kummissarju m’għandux ikun fl-inkjesta.  U t-tieni li ma kienux qed ikollhom smiegħ xieraq, jiġifieri mhux qed issir ġustizzja magħhom.

Fuq ta’ l-Assistant Kummissarju Valletta li ma jibqax,  dan kien diġà qata’ l-għatx bil-perżut lil kulħadd meta lanqas stenna li jinqata’ l-appell kostituzzjonali, u rtira mill-każ.   Il-Qorti Kostituzzjonali jidher li qed timxi fuq “better safe than sorry”.  Mhux f’dan il-każ biss.  Lill-Imħallef qalulu biex ma jkomplix b’każ għax inzerta kien f’Radju Maria, u l-kawża kienet kontra l-kurja, li m’għandha x’jaqsam xejn ma’ Radju Maria.

Imma mbagħad il-Qorti Kostituzzjonali fuq il-kwistjoni jekk hux qed ikollhom ġustizzja, ma weġbitx kif riedu huma. U tat risposta lil dawk kollu li jagħmlu dimostrazzjonijiet u lill-MEPs li jiġu hawn fuq dahar iċ-ċittadini Ewropej.

U għalhekk mhux se nagħmel rapport u nbażwar sentenza.  Inġibu partijiet sħaħ minnha:

57: “ Fil-każ odjern, bl-allegazzjoni tagħhom ta’ ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni r-rikorrenti qegħdin jassumu li l-investigazzjoni għandha neċessarjament twassal għall-identifikazzjoni tal-mandanti tal-persuni li tressqu quddiem il-Qorti Tal-Maġistrati (Bħala Qorti Istruttorja) akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fost affarijiet oħra, iżda kif anke ritenut mill-Qorti Ewropea. L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ma jagħti l-ebda dritt li l-investigazzjoni għandha bilfors twassal sabiex titressaq persuna jew li l-istess tiġi kkundannata. Id-dritt jirrigwarda biss il-proċedura tal-investigazzjoni 16 u l-obbligu tal-Istat huwa wieħed ta’ proċedura u mhux neċessarjament ta’ riżultat, b’mod li l-investigazzjoni, għalkemm tkun saret b’mod effettiv, billi tkun stabbiliet ċirkostanzi li huma relevanti u importanti, xorta waħda f’dak l-istadju l-mandanti ma kinux għadhom ġew identifikati. Fi kliem il-Qorti Ewropea fil-każ Mazepa “the procedural obligation under Article 2 of the Convention is not an obligation of results but of means”. 

58: Din il-Qorti tosserva li, ġaladarba l-obbligazzjoni proċedurali rikjesta mill-Artikolu 2 mhux neċessarjament twassal sabiex jiġu identifikati l-mandanti u għalhekk jista’ jkun li dawn qatt ma jiġu identifikati, l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ma jistax jiġi legalment invokat f’dan l-istadju. Ma jistax wieħed jargumenta li qed jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq minhabba li l-Istat qed icahhdu mill-identita tal-mandanti tal-qtil meta l-obbligu tal-Istat ikun ġie sodisfatt b’investigazzjoni konkreta sħiħa u metikoluża, iżda xorta waħda ma tkunx wasslet għall-indentifikazzjoni tal-mandanti. Kif osservat il-Qorti Ewropea fil-każ Mazepa, “The domestic authorities’ scrutiny in the case concerning a contract killing must aim to go beyond identification of a hitman and it is incumbent on the court to satisfy itself that the investigation ..has addressed this important point.” Iżda l-fatt li ma jigix jew ma jkunx għadu ġie identifikat il-mandant tar-reat u li dan il-fatt ma jkunx riżultat ta’ “absence of genuine and serious investigative measures taken with a view to identifying the intellectual author of the crime” ma jwassalx neċessarjament għall-vjolazzjoni tal-obbligu tal-Istat stipulat fl-Artikolu 2.

59. Ikkonsidrat il-premess, fil-każ odjern għalkemm ġiet riskontrata vjolazzjoni tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni abbażi ta’ nuqqas ta’ imparzjalità oġġettiva, s’issa ma ġiex muri li l-investigazzjoni u l-miżuri li ttieħdu sabiex jiġu identifikati il-mandanti tad-delitt huma monki a tenur tal-istess artikolu konvenzjonali, u għalhekk din il-Qorti ma tistax taqbel mal-ewwel Qorti u mal-aggravju tal-intimati li f’dan il-każ u f’dan l-istadju huwa applikabbli l-Artikolu 6 kif imfisser mir-rikorrenti.”

Li jfisser f’kelma waħda, li huma paroli fil-vojt li tgħid li l-ġustizzja messha sabet min qabbad li jsir id-delitt.

Issa dan mhux qed jgħidu Joe Brincat, Silvio Valletta,  jew Manwel Cuschieri.   Qalitu l-Qorti Kostituzzjonali.   Fejn hu Casa, fejn hu Simon u fejn hi Gomez?

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend