Alfred Sant favur iż-żieda ta’ 5% tal-paga minima fl-U.E. – One News

Notifiki

Alfred Sant favur iż-żieda ta’ 5% tal-paga minima fl-U.E.

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant qal li jeħtieġ naħdmu biex fuq livell Ewropew il-paga minima nazzjonali tkun aġġustata fl-U.E. biex tirrifletti l-kundizzjonijiet tal-pajjiżi nazzjonali. Fejn il-paga minima teżisti fi ħdan il-pajjiżi tal-UE, taħt il-kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli ta’ issa, il-paga minima nazzjonali għandha tiżdied b’tal-inqas 5%. Alfred Sant qal dan waqt id-dibattitu ‘Dħul Minimu għal Ewropa ġusta: dritt taċ-ċittadini’ fil-Parlament Ewropew.

“Il-konsum privat kiber. L-esportazzjoni u l-investiment kibru. Il-qgħad qed ikompli jonqos u qiegħed viċin il-livelli ta’ qabel il-kriżi monetarja. Il-profitti tal-korporazzjonijiet żdiedu. Id-defiċit pubbliku u l-livelli tad-dejn qegħdin taħt kontroll. Iżda it-tqassim ta’ dan it-titjib ekonomiku mhux qed jitqassam tajjeb biex jilħaq il-klassi tal-ħaddiem u l-klassi tan-nofs; hawnhekk id-defiċit qed ikompli jikber. F’ħafna mill-każijiet fejn il-paga minima nazzjonali teżisti fl-Ewropa, xorta hija ħafna aktar baxxa mill-paga li wieħed jeħtieġ biex jgħix.”

Alfred Sant qal li d-diverġenzi bejn dawk li jaqilgħu l-aktar u dawk li jaqilgħu l-inqas baqgħet tiżdied. Dan mhux ġust. Skemi ta’ Dħul Minimu jintużaw bħala appoġġ għal dawk il-ħaddiema u l-individwi l-aktar vulnerabbli li ma għandhomx garanzija ta’ livell ta’ għixien adegwat permezz ta’ ħidmiethom. Dawn l-iskemi bil-kemm qed jirnexxielhom jagħmluh dan. Wasal iż-żmien biex dawn l-iskemi imorru lil hinn minn dak li huwa minimu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend