11,625 student qed jużaw is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel – One News

Notifiki

11,625 student qed jużaw is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel

Huma 11,625 l-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti li bdew jużaw is-servizz ta’ trasport b’xejn li beda jiġi offrut minn din is-sena skolastika f’Malta u Għawdex.

Servizz li qiegħed jingħata b’investiment li mistenni jkun ta’ madwar €8.5m fis-sena.

 

Dan minbarra 14,000 student u studenta oħra li qed jitwasslu fl-iskejjel tal-Istat.

Fil-ħin tal-mistoqsijiet Parlamentari, il-Ministru Evarist Bartolo spjega li biex jiġi pprovdut it-trasport b’xejn lill-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti, il-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu rreġistrati miegħu 972 vettura.

Dan wara li fil-bidu tas-sena skolastika, il-Gvern daħal fi ftehim magħhom għall-ħames snin biex minn din is-sena skolastika jibdew iwasslu l-iskola wkoll lill-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja u privati.

Servizz li hu maħsub li għall-ewwel darba jagħti nifs ieħor lill-ġenituri li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz u mhux se jkunu huma li jħallsu minn buthom, iżda minflok il-Ministeru li qed iħallas direttament lill-operaturi tat-trasport li ssieħbu f’din l-iskema. Hu stabbilit b’dan is-servizz, il-ġenituri qed jiffrankaw madwar €700 fis-sena.

Minkejja li s-servizz intlaqa’ tajjeb, il-Ministru Bartolo innota kif qed jidħlu numru ta’ lmenti, u d-dipartiment responsabbli dwar qiegħed jindirizzahom mal-operaturi tat-trasport sabiex kemm jista’ jkun jittejjeb is-servizz.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend