Qed nitilfu r-rispett? – One News

Notifiki

Qed nitilfu r-rispett?

Tmiem il-ġimgħa l-oħra kienet ikkaratterizzata mill-kwistjoni bejn l-MUT u l-Ministeru għall-Edukazzjoni fuq abbozz ta’ liġi li jaffettwa l-professjoni tal-għalliema. Mhux se nidħol fil-mertu ta’ min minnhom kellu raġun, jew jekk il-konsultazzjoni indirizzatx il-punti kollha tal-abbozz. Iżda nixtieq inqajjem ftit osservazzjonijiet minn dan l-episodju politiku li seta’ intemm f’wieħed mill-aqwa pantomimi amatorjali. Madanakollu, għall-grazzja tas-sens komun, intlaħaq fteħim bejn il-Gvern u l-MUT (anke jekk għall-bidu t-tentattivi tal-Gvern sabiex jevita l-istrajk kienu jidhru li huma għal xejn).

Nistqarr li jien favur id-dritt tal-istrajk. Favur kwalunkwe dritt li jkun maħdum skont il-parametri tal-liġi u b’responsabbiltà lejn l-istakeholders kollha tas-settur. Iżda personalment inħoss li l-MUT kienet se tiżbalja li kieku kienet se tibqa’ tippersisti bl-istrajk wara li l-Gvern kien lest jirtira l-abbozz ta’ liġi. Inżid ngħid li l-amministrazzjoni tal-MUT dehret amatrojali ħafna bil-kummenti tagħha wara tweet tal-Prim Ministru. L-iskuża, jew ir-raġuni li semmew, għalija ma treġġix. Insomma issa għaddiet, rebaħ il-buon sens u l-partijiet sabu t-triq tan-nofs sabiex jerġgħu jiddiskutu dwar materji kruċjali fl-interess tas-settur edukattiv.

Madanakollu, sakemm intleħaq tali ftehim, bosta assistew għall-‘battalja’ ta’ kliem permezz tas-midja soċjali u mezzi ta’ komunikazzjoni oħra. Kliem u kummenti li kienu qed jintqalu minn outsiders, ħafna minnħom ġenituri, iżda kien hemm ukoll politiċi li użaw tali sitwazzjoni sabiex jisparaw il-vleġġeġ tagħhom. Wara kollox kulħadd għandu dritt għall-opinjoni…le? Mela ikteb u għid dak li tħoss…umbgħad naraw!

Huma deplorabbli l-kummenti dispreġjattivi ta’ diversi nies fil-konfront tal-għalliema. Il-maġġoranza tagħhom spiċċaw jgħajjru bil-vaganzi tas-Sajf jew ta’ matul is-sena! Trid il-vaganzi? – mela għaliex ma mortx għalliem? Tant kemm il-bniedem sar materjalist li sirna nħarsu biss lejn il-ġelu ta’ fuq il-kejk, iżda ma narawx x’hemm taħtu. B’liema dritt ngħajjar professjonist li kienu se jużaw dritt fil-liġi tax-xogħol? B’liema dritt nagħżlu li niżżuffjettaw bi professjoni li qed teduka lit-tfal u addoloxxenti ta’ pajjiżna? Kif nistgħu inrawwmu kultura ta’ rispett meta sirna lesti nisparaw il-kanuni lejn kull min ifetlilna? Dan m’huwiex biss fil-każ tal-għalliema, iżda rajniha isseħħ ukoll fil-konfront tal-Korp tal-Pulizija u awtoritajiet oħra fil-pajjiż.

Iżda dawn il-kummenti ma ħarġux biss mingħand nies ‘komuni’ jew armchair critics minn wara xi kompjuter. Saħansitra kellna lill-Kap tal-Oppożizzjoni li pprova jieħu gwadann politiku minn din is-sitwazzjoni billi pprova jnissel biża permezz ta’ xniegħa li l-Gvern se jkun qed iġib l-għalliema mill-Pakistan sabiex jgħallmu huma! Kont nippretendi ħafna aħjar mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Apparti potenzjal ta’ diskriminazzjoni razzjali, kumment bħal dak huwa perikoluż ħafna fid-dinja tal-lum fejn qed tkompli ssir iktar globalizzata. Nazzjonalità ma tagħmlikx superjuri fuq ħaddieħor, u lanqas ma ttik dritt tipprova timmina jew tiżżufjetta b’nies minn kwalunkwe nazzjon. Din hija s-‘Soċjetà li jimpurtaha’ li jrid Delia u sħabu tal-Partit Nazzjonalista? Id-dinja qed tinbidel b’rata mgħaġġla ħafna. Ma nistgħux insiru poplu egoist u mingħajr kuxjenza, għad-detriment tal-valuri li sawwruna.

Issa li dan l-episodju għadda, nittama li kulħadd jitgħallem minnu; leġiżlaturi, unions, stakeholders u spettaturi. Ma nistgħux nibqgħu bil-mentalità trivjali u konfrontattiva. Irridu neliminaw piki żejda u naħdmu sabiex verament intejjbu s-settur (ikun liem ikun), inkella se nerġgħu nispiċċaw fl-istess sitwazzjoni ftit tas-snin oħra, nduru l-istess ċirku.

Ta’ QabelLi Jmiss
Chris Balzia għandu 30 sena u jgħix Birżebbuġa. Studja l-inginerija tal-avjazzjoni fil-kulleġġ tal-MCAST. Waqt li kien qed jaħdem f’dan is-settur, reġa’ ssokta bl-istudju tiegħu fejn ggradwa mill-Università ta’ Londra b’Diploma fl-Ekonomija. Bħalissa jinsab għaddej bl-istudji tiegħu għal Degree fil-Management. L-attiviżmu politiku minn dejjem kien jinteressaħ u jassoċja ruħu mal-ideali poltiċi xelluġin. Matul il-hajja studenteska tiegħu kien attiv mal-għaqda Pulse fejn anki serva għal diversi snin fl-eżekuttiv tal- għaqda. L-impenn politiku kompla bl-involviment fil-fergħa tal-Forum Żgħażagħ Laburisti ta’ Birżebbuġa u fl-eżekuttiv tal-FZL mill-2011 sa Frar tal-2016. Apparti l-interess fil-politika, impenn ieħor għal qalbu huwa l-iScouting. Chris ilu membru tal-iScouts mill-eta’ ta' sebgħa snin u baqa’ attiv fl-istess assoċjazzjoni fejn bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Scout Leader mall-grupp ta' Birżebbuġa.

Send this to a friend