Politika tal-ħdura – One News

Notifiki

Politika tal-ħdura

Mingħajr dubju, Simon Busuttil ma jistax iħares lejn Joseph Muscat bl-istess lenti li jħares lejn ħaddieħor, żgur. Joseph Muscat, kien il-bniedem, li lilu, li kien diġà poġġa nnifsu wara l-iskrivanija ta’ Kastilja jmexxi lill-pajjiż, temmlu l-karriera politika tiegħu. L-ewwel wara telfa massiva fl-elezzjoni ġenerali, ferm akbar minn dik li tah meta kien għadu Viċi-Kap, u t-tieni l-inkjesta Egrant, ikkonfermat li hu riekeb fuq gidba, li kien ‘Frodist tal-verità’. Tant kienet b’saħħitha l-inkjesta Egrant u l-konklużjonijiet tagħha li l-Kap tal-Oppożizzjoni llum, Adrian Delia, anke xprunat mill-fatt, li seta’ ra l-okkażjoni sabiex jeħles minnu, talbu jitlaq mill-Partit Nazzjonalista.

Ħalliha li Busuttil baqa’ hemm, għax m’għandux farka idea ta’ responsabiltà politika minkejja li għamel 4 snin fl-Oppożizzjoni li kuljum ried ikeċċi lil xi ħadd.

Ilbieraħ iżda, waqt il-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament, spikkaw żewġ dikjarazzjonijiet li għamel Simon Busuttil. Dikjarazzjonijiet li jikkonfermaw il-politika tal-ħdura li jħaddan, flimkien ma’ ċirku nies li għadhom iduru ma’ djulu.

L-ewwel qal li ‘huwa kburi b’dak li għamel’.

Biex inhu kburi?

–        Kburi li ppilota gidba?

–        Kburi li prova juża gidba biex isir Prim Ministru?

–        Kburi li rikeb fuq dokumenti foloz?

–        Kburi li rikeb fuq firem li ma jeżistux?

–        Kburi li niżżel in-nies fuq toroq fuq storja li jien ċert li kien jaf li hi gidba?

–        Kburi li abbażi ta’ din il-gidba bena kampanja barra minn Malta u bil-ħsara li għamel għadna naffaċċjaw ċertu konsegwenzi?

–        Kburi li fuq il-każini tiegħu poġġa wara ċella tal-ħabs nies innoċenti?

–        Kburi li weġġa’ tant il-familja inkluż żewġ it-tfal żgħar?

–        Kburi li prova jiddistabilizza l-pajjiż basta jkollu l-poter f’idejh?

–        Kburi li bena fil-pajjiż ambjent ta’ firda li kien ilu ilu ma jinħass bħalu mis-snin 80, fl-agħar żminijiet tal-firdiet politiċi?

–        Kburi li uża mezzi tax-xandir barranin, li min-naħa tagħhom riedu jattakkaw lil Malta għall-benefiċċju ta’ pajjiżhom, biex jipprova jiskurja punti politiċi?

–        Kburi li għajjar lin-nies ‘Faxxisti’, ‘Mafja’ ?

–        Kburi li fired il-Partit tiegħu stess?

Dawn huma ftit mill-ħniżrijiet li għamel u li qed niftakar. Simon Busuttil se jibqa’ magħruf li flimkien ma’ nies oħra bħal Pierre Portelli, Maria Efimova, Daphne Caruana Galiza u Jonathan Ferris, ippilotaw l-ikbar kalunja fl-istorja politika Maltija.

It-tieni dikjarazzjoni ma tħalli l-ebda lok għall-immaġinazzjoni, jgħid li hu jemmen li Egrant hija xorta tal-Prim Ministru. Minkejja inkjesta li swiet €1.5miljuni u li hu ddikjara li kellu fiduċja fiha. Minkejja l-istat li hu stess spiċċa fih u l-Partit tiegħu. Trid tkun politikament aħdar biex tagħmel dikjarazzjoni bħal din.

Jien persważ lin-nies huma fuq in-naħa t-tajba. Busuttil huwa politika fallut li bħalissa huwa biss jikkonferma mhux biss il-politika tal-ħdura li jħaddan iżda li jipprova juri li ma kellux tort jew jibqa’ jiġġustifika l-inġustifikabbli biex ma jibqax intimbrat bħala l-agħar politiku fl-istorja.

Tal-aħħar għax ktibt ħafna, ma nistax ma nagħmilx oservazzjoni oħra.

Dalgħodu fuq in-Nazzjon il-prominenza hija li Delia qabeż għal Simon Busuttil. Ftit ġimgħat ilu fuq l-istess gazzetta l-prominenza kienet li Delia talab lil Busuttil jitlaq. Bl-istess każ, l-ewwel Delia prova jeħles minnu u issa qed jipprova jirbaħ lil min lilu ma jridux lanqas b’ħabbata wara l-bieb tal-Istamperija! Prova ifhem!

Ta’ QabelLi Jmiss
Nigel Vella huwa Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Gradwat mill-Università ta’ Malta fl-Istorja u ilu attiv fil-politika minn mindu kellu 16–il sena. Ħadem f’bosta Għaqdiet bħall-FŻL u l-għaqda tal-istudenti PULSE. Kitbitu se tmur lil’ hinn mill-politika li zgur ser tkun it-tema li tiddomina l-blog tiegħu, iżda permezz tal-kliem sempliċi jridu jitwasslu opinjonijiet oħra fuq materji oħra. Li hu zgur huwa li mhux se jkun hemm tidwir mal-lewża u logħob bil-bżalu.

Send this to a friend