ARA: Il-Gvern iwieġeb għal rapport internazzjonali dwar l-IIP – One News

Notifiki

ARA: Il-Gvern iwieġeb għal rapport internazzjonali dwar l-IIP

Il-Gvern ta’ Malta rreaġixxa għal rapport ippubblikat illum minn Transparency International u Global Witness bl-isem European Getaway – Inside the Murky World of Golden Visas. Il-Gvern qal li hemm elementi fir-rapport li huwa, permezz tal-Aġenzija għall-Programm tal-Investitur Individwali, l-MIIPA, jappoġġja, u oħrajn li jidher li ma kinux riċerkati sew.

L-MIIPA taqbel mar-rakkomandazzjoni li għandhom jiġu stabbiliti standards ta’ due diligence għall-industrija kollha. Malta hija minn ta’ quddiem tisħaq li għandu jkun hemm iktra koperazzjoni bejn ġuriżdizzjonijiet f’dan l-aspett, u anke mexxiet l-organizzazzjoni ta’ konferenza li ffukat fuq dan f’Mejju li għadda. L-Aġenzija laqgħet ukoll ir-rakkomandazzjoni tar-rapport biex twessa’ l-operazzjonijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus, u li jkunu stabbiliti mekkaniżmi għall-koordinazzjoni ta’ informazzjoni bejn Stati Membri dwar applikanti li ma ġew aċċettati. Hawnhekk, l-aġenzija ċċarat li l-applikanti approvati minnha huma biss fazzjoni żgħira mill-miljun individwu li qed jingħata ċ-ċittadinanza fi Stati Membri Ewropej oħra.

Ħafna mir-rakkomandazzjonijiet huma fis-seħħ f’pajjiżna, fosthom is-suġġeriment li kull applikant u qrabatu jkunu soġġeti għal eżami fit-tul ta’ due diligence, u li d-dokumenti kollha jkunu studjati mill-Aġenzija tal-Gvern. Studju fuq is-saħħa ekonomika ta’ dak li jkun huwa wieħed mill-pilastri tas-sistema interna ta’ due diligence. Malta tieħu nota wkoll ta’ każi pendenti fil-qorti tal-applikant jew reati kriminali li kkommetta l-applikant. Malta għandha wkoll il-mekkaniżmu meħtieġ biex tirrevoka ċ-ċittadinanza jekk jitfaċċaw provi ġodda dwar applikant li ġie approvat.

Tajjeb li wieħed jinnota li bħalissa għaddej studju dwar individwu partikolari li ngħata ċ-ċittadinanza fl-2015, li l-informazzjoni dwaru qed tkun ippubblikata. Malta hija l-unika pajjiż flimkien mal-Awstrija li tippubblika l-ismijiet tal-persuni li jingħataw iċ-ċittadinanza.

Ir-rapport jgħid ukoll li r-Regolatur tassew jagħmel evalwazzjoni tal-amministrazzjoni tal-programm b’reqqa kbira, u jgħaddi r-rakkomdanazzjonijiet li jagħmel hu stess lill-Aġenzija sabiex din ittejjeb is-sistema. L-MIIPA tassigura li kull rakkomandazzjoni tkun studjata fid-dettal u dejjem ġew milqugħa b’mod pożittiv u kienu implimentati. Ir-rapport jikkontradixxi lilu nnifsu meta jgħid li hemm nuqqas ta’ trasparenza u kontabiltà fl-IIP, għaliex ir-rapport stess itkellem dwar l-evalwazzjoni u rakkomandazzjonijiet li jsiru minn Regolatur.

Il-Gvern innota wkoll li statistika ppubblikata kull sena fir-rapport tar-Regolatur ma ssemmietx f’dan ir-rapport.

Min-naħa l-oħra, hemm elementi fir-rapport li setgħu intqalu b’mod iktar ċar jekk l-awturi taw iktar każ tar-rispons minn Malta.

Ir-rapport isemmi wkoll individwi li huma mniżżla fl-hekk imsejħa lista tal-Kremlin, fejn qal li dawn l-individwi ma kienux imniżżla fuq listi ta’ sanzjonijiet, u li din il-lista hija wisq simili tal-lista tal-Forbes mir-Russja, li hija biss lista ta’ individwi sinjuri mir-Russja u ma timplikax azzjonijiet ħżiena.

Malta għandha l-ogħla rata ta’ tiċħid minn kull programm ieħor, hekk kif Malta tiċħad mal-25% tal-applikazzjonijiet, u ġuriżdizzjonijiet oħea jiċħdu biss 10%. Iżda jidher li dan ma kienx innutat f’dan ir-rapport. Barra minn hekk, ir-rapport huwa inkorrett ukoll fuq l-aspett tar-residenza ladarba Malta qatt ma qalet li l-preżenza fiżika tal-applikant mhijiex meħtieġa. Għall-kuntrarju, Malta hija fost l-unika pajjiżi fejn il-preżenza fiżika tal-applikant hija kruċjali.

Fl-2014, il-Gvern ħareġ tender pubblika għall-implimentazzjoni tal-IIP, li eventwalment ingħata lil Henley&Partners. Maż-żmien, l-irwol tagħha llimita ruħu għal reklamar tal-programm, bl-Aġenzija tieħu kontroll sħiħ tal-proċess tal-applikazzjoni u due diligence.

Ir-rapport jirreferi wkoll għal allegazzjonijiet li Uffiċjali tal-Gvern ‘il barra mill-Aġenzija ngħataw kickbacks biex jiffaċilitaw l-approvazzjoni ta’ xi applikanti. Dan il-każ bħalissa jinstab taħt skrutinju minn inkjesta Maġisterjali, u l-Aġenzija se tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa la darba din tkun konkluża.

Fl-ewwel erba’ snin, il-Gvern ta’ Malta ġġenera dħul ta’ madwar €700,000,000, u kkommetta ruħu li juża 70% tal-kontribut tal-IIP biex jieħu inizjattivi li jibbenefikaw minnhom il-ġenerazzjonijiet attwali u dawk futuri. Dan permezz tal-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, l-NDSF. Dan hu mmexxi minn aġenzija indipendenti li tinvesti fondi mill-IIP fi proġetti soċjali u infrastrutturali għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Bord ta’ Gvernaturi tal-NDSF approva għotja ta’ €950,000 għat-titjib ta’ apparat fid-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei. Il-Gvern ta wkoll donazzjoni ta’ €5,000,000 lil Puttinu Cares li se jintużaw għax-xiri tal-art jew blokka ta’ madwar 30 appartament fiċ-ċentru ta’ Londra biex pazjenti tal-kanċer u l-familji tagħhom ikollhom aċċess aħjat għall-isptarijiet.

Riċenti, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar investiment ta’ €50,000,000 għall-bini ta’ madwar 500 unit tal-akkomodazzjoni soċjali. Dan il-proġett jikkumplimenta l-proġett kurrenti ta’ 680 appartament ta’ housing soċjali f’siti differenti, b’investiment totali ta’ €108,000,000.

L-esperjenza ta’ Malta mill-ftuħ tal-IIP kienet waħda pożittiva, hekk kif dan iġġenera interess qawwi f’pajjiżna minn madwar id-dinja, u l-interess min investituri barranin huwa għoli.

L-IIP ġab Malta familji li issa huma ċittadini Maltin kburin li jridu jkunu parti minn pajjiż permezz ta’ relazzjonijiet personali u kulturali. Dawn iċ-ċittadini l-ġodda qed jagħmlu l-pajjiż iktar rikk billi jikkontrwibixxu lil diversi għaqdiet volontarji u jippromwovu l-arti u l-kultura lokali u ż-żamma ta’ siti storiċi.

Sal-lum, 100 NGO irreġistrati bbenefikaw minn 624 donazzjoni, li b’kollox il-valur tagħhom ilaħħaq €3,800,000.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend