Qatel lill-maħbuba sigrieta u ż-żewġ gwardjani biex ma jinkixifx f’Sant’Anġlu… – One News

Notifiki

Qatel lill-maħbuba sigrieta u ż-żewġ gwardjani biex ma jinkixifx f’Sant’Anġlu…

Nhar il-Ġimgħa, 12 t’Ottubru, Heritage Malta se tiftaħ il-bibien ta’ Forti Sant’Anġlu hekk kif jidħol il-lejl. Żewġ żjajjar animati, ibbażati fuq ġrajjiet ta’ misteru u atti soprnaturali relatati ma’ dan il-forti storiku, se jakkumpanjaw lill-viżitaturi fuq vjaġġ waħxi li se jiżvela l-istorja mqanqla ta’ dan is-sit.
Maħsuba għal min hu kurjuż u kuraġġjuż, dawn il-ġrajjiet ivarjaw minn stejjer leġġendarji ta’ iħirsa, qtil, eżekuzzjonijiet, fatti tal-biża’ tal-gwerra, priġunerija terribbli, u mwiet traġiċi.

Waħda minn dawn il-ġrajjiet li jkexkxu jinkludu l-leġġenda tas-Sinjura l-Griża li jingħad li kienet il-maħbuba ta’ wieħed mill-Kastellani tal-post fi Żmien il-Medju Evu. Ġara li din bdiet tinsisti li tiġi trattata bħala nobbli daqs martu, inkella kienet se tikxef ir-relazzjoni tagħhom. Ir-raġel iddeċieda li jeħles mill-maħbuba tiegħu u għalhekk bagħat tnejn mill-gwardjani li kellu biex joqtluha u jidfnuha f’kamra fil-kastell. Biex iżomm dan il-qtil sigriet, huwa qatel liż-żewġ gwardjani u difinhom fl-istess kamra.

Iżda minn dakinhar, fil-kastell, li aktar tard sar forti, bdiet tidher ruħ il-mara l-maqtula. Ħafna jirrakkuntaw li rawha, fosthom grupp ta’ suldati waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, li sostnew li din il-mara salvathom mill-mewt meta ħassew li kellhom isegwuha u joħorġu minn kamra, ftit ħin qabel din intlaqtet minn bomba.

Ir-rakkont ikompli illi fis-sittinijiet, waqt xi xogħol li kien qiegħed isir fil-forti, instabu tliet skeletri midfuna fil-ħajt ta’ kamra minnhom. Tnejn mill-iskeletri kienu ta’ rġiel, filwaqt li l-ieħor kien ta’ mara li kienet għadha mgeżwra fi drapp ta’ lewn griż. Id-dehriet tas-Sinjura l-Griża jingħad li ntemmu wara li l-mara ta’ kaptan li kienet tgħix fil-forti, ordnat li jsir eżorċiżmu ta’ dan il-post.

Iż-żewġ żjajjar se jsiru bl-Ingliż fis-7:00pm u fit-8:30pm.

Biljetti: Adulti €10. Membri ta’ Heritage Malta/anzjani/studenti €8. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mill-mużewijiet u s-siti kollha ta’ Heritage Malta, kif ukoll online.

Dawn iż-żjajjar mhumiex adattati għat-tfal. Il-parteċipanti għandhom ikunu minn 16 il-sena ‘l fuq.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend