Jitlesta l-proġett ta' €500,000 ta' Vjal l-Avjazzjoni | One News

Notifiki

Jitlesta l-proġett ta’ €500,000 ta’ Vjal l-Avjazzjoni

Tlesta l-proġett ta’ Vjal l-Avjazzjoni, li permezz tiegħu din it-triq ewlenija bejn il-Gudja u Ħal Luqa issa għandha t-tielet korsija tal-karozzi u korsija ġdida għar-roti fid-direzzjoni tat-tramuntana. Dan il-proġett ta’ €500,000 beda fis-sajf u l-korsija ġdida nfetħet għall-pubbliku x-xahar li għadda.

 

Permezz ta’ din il-korsija, li ngħaqdet mal-bypass lane li nbniet is-sena li għaddiet, meta wieħed ikun ħiereġ mill-mini ta’ Ħal Kirkop, jista’ jibqa’ għaddej dritt lejn Ħal Luqa mingħajr ma jdur mar-roundabout ta’ maġenb l-Ajruport jew jibdel minn korsija għal oħra fi Vjal l-Avjazzjoni.

Studji li saru aktar kmieni dan ix-xahar juru li permezz ta’ dan it-twessigħ, il-ħin tal-ivvjaġġar bejn il-mini ta’ Ħal Kirkop u Ħal Luqa fis-sigħat ta’ filgħodu li fihom ikunu għaddejjin l-aktar karozzi, naqas b’73.3%.

Vjal l-Avjazzjoni hija r-rotta ewlenija li jużaw eluf ta’ residenti f’Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi u ż-Żurrieq meta jivvjaġġaw minn u lejn djarhom ta’ kuljum. Flimkien mat-titjib li sar is-sena li għaddiet meta nbnew mill-ġdid ir-roundabouts tal-Ajruport u ta’ Ħal Luqa, it-tielet korsija fi Vjal l-Avjazzjoni issa ħolqot rotta li tibqa’ għaddejja b’inqas diffikultajiet mill-mini ta’ Ħal Kirkop sa Ħal Luqa, Raħal Ġdid, il-Marsa, Ħal Qormi u l-Belt Valletta, fost inħawi oħrajn.

Permezz ta’ dan il-proġett, fit-tarf l-ieħor ta’ Vjal l-Avjazzjoni iddaħħal ukoll ftuħ ġdid għar-roundabout ta’ Ħal Luqa, li minnha tista tivvjaġġa lejn Triq San Tumas, fid-direzzjoni ta’ Ħal Qormi, lejn iċ-ċentru ta’ Ħal Luqa jew lejn Triq il-Kunsill tal-Ewropa, fid-direzzjoni ta’ Santa Luċija u Raħal Ġdid. Id-disinn aġġornat tar-roundabout jinkludi wkoll korsija diretta minn Vjal l-Avjazzjoni lejn Triq San Tumas, għal Ħal Qormi.

Aktar studji tekniċi jinsabu għaddejjin bħalissa sabiex jiġu ddisinjati soluzzjonijiet għal aktar titjib fir-roundabout ta’ Ħal Luqa fiż-żmien li ġej. Dan l-investiment tal-ġejjieni ser itejjeb il-kwalità tal-arja fl-inħawi residenzjali viċin, fosthom dawk f’Ħal Luqa, Ħal Qormi u l-Gudja, waqt li joħloq konnessjonijiet aktar sikuri u effiċjenti minn u lejn lokalitajiet oħra fil-lbiċ tal-pajjiż.

ll-proġett ta’ Vjal l-Avjazzjoni li tlesta fil-jiem li għaddew jinkludi wkoll korsija għar-roti ta’ 650 metru, bankina ġdida u daħliet aħjar għall-karozzi tal-linja. Ix-xahar li għadda, Infrastructure Malta ħarġet sejħa għall-offerti biex tibni wkoll pont ta’ 34 metru li jaqsam iż-żewġ karreġġjati ta’ din it-triq ħalli jkun aktar faċli li tivvjaġġa bil-mixi, bit-trasport pubbliku jew bir-rota minn u lejn għadd ta’ lokalitajiet madwar il-Gudja.

Dan il-pont ser jinkludi żewġ strutturi għoljin seba’ metri fil-ġnub tat-triq, li fihom hemm rampi fit-tond (helical ramp) li jibqgħu jduru ‘l fuq sakemm jaslu għall-pjattaforma tal-pont innifsu. Il-pont ser jaqsam iż-żewġ karreġġjati ta’ Vjal l-Avjazzjoni, triq sekondarja li tinsab maġenbha kif ukoll spazju addizzjonali li ser jitħejja f’każ li t-triq ikollha bżonn aktar infrastruttura fil-futur. Minbarra li ser jintużaw rampi minflok turġien, il-pont ser ikollu wkoll żewġ liftijiet, hekk kif propost mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, sabiex jiġi żgurat li din l-infrastruttura tkun aċċessibbli għal kulħadd.

Il-ħidma fi Vjal l-Avjazzjoni tifforma parti minn għadd ta’ proġetti mwettqa minn Infrastructure Malta matul is-sajf li għadda, sabiex tkompli titjieb l-effiċjenza, s-sigurtà u l-kwalità tat-toroq arterjali f’Malta, waqt li jitnaqqsu d-diffikultajiet fl-ivvjaġġar. Dawn l-investimenti jinkludu, fost oħrajn, it-twessigħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass, Triq Diċembru 13 u Triq Aldo Moro, it-titjib taż-żewġ roundabouts ta’ Ħaż Żebbuġ u Triq l-Imdina Żebbuġ, li tgħaqqadhom flimkien, ħruġ aktar sikur minn Ta’ Qali lejn ir-Rabat u l-iżvilupp ta’ korsija ġdida fil-konnessjoni bejn Triq tal-Barrani u Triq Ħal Tarxien, lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend