Il-Madonna taċ-Ċoqqa – dramm li għadu maħbub sal-lum – One News

Notifiki

Il-Madonna taċ-Ċoqqa – dramm li għadu maħbub sal-lum

Bla dubju ta’ xejn, teledramm li kulħadd sema’ bih xi darba jew oħra, huwa “Il-Madonna taċ-Ċoqqa”. Teledramm li sa mit-tmiem is-sebgħinijiet, baqa’ dejjem jissemma’ għall-kontroversja qawwija li kien qajjem minħabba bosta raġunijiet. Fost il-kontroversji ewlenin insibu x-xena fejn Rita, kissret in-niċċa tal-Madonna biex tisraqha u l-fatt li l-istess Rita jkollha relazzjoni ma’ Fra Marjanu, waqt in-novizzjat tiegħu biex isir patri.

Kif kulħadd jaf l-istorja tibda meta l-Knisja tiddeċiedi tieħu l-għalqa ta’ Karmnu ta’ Randu li kienet ilha għandu b’ċens għal snin twal. Dan il-pass xejn ma’ jinżel tajjeb mal-familja ta’ Randu minħabba li dan wassal biex Karmnu, ikun imċaħħad mill-art, mill-impjieg u mill-ħobża ta’ kuljum, tiegħu u ta’ familtu.

Martu Saverja, xorta waħda tibqa’ turi mħabba lejn il-knisja, u dejjem tibqa’ tipprova żżomm il-familja magħquda. Għall-kuntrarju t’ommha, Rita, it-tifla l-kbira ta’ Karmnu, taqtagħha li tisfida r-raħal kollu. Dawn l-isfidi, li jkunu mibnija fuq il-provokazzjonijiet min-nies tar-raħal, iwasslu biex Rita tispiċċa ħafna drabi fi ġlieda ma’ xi ħadd. Minħabba li Fra Marjanu, ma jkun qabel xejn mad-deċiżjoni ta’ Patri Rafel dwar it-teħid tal-art, jitħassar, mhux ftit, il-familja ta’ Randu, jibda jżurhom biex joffri l-għajnuna tiegħu f’dak li jkunu jeħtieġu. Dawn iż-żjarat spissi jwasslu biex tinbed relazzjoni bejn Marjanu u Rita. Meta dawn iż-żewġ żgħażagħ jistqarru mħabbithom, din ir-relazzjoni ma tintlaqa’ tajjeb xejn mill-familja ta’ Rita, l-aktar missierha. Dan iwassal biex Rita tiddeċiedi li titlaq mid-dar u tħajjar lil Marjanu jħalli n-novizzjat waqrajh u jaħrab magħha.

B’dan l-inkwiet madwaru, Karmnu ta’ Randu, jispiċċa agħar, meta tagħtih puplesija li tħallilu nofs ġismu paralizzat. Imdawwra b’dawn l-isfidi kollha f’ħajjitha Rita, jirnexxielha ssib xogħol mas-Sur Bertie. Iżda x-xitan m’għandux kwiet, u jdeffes denbu anke bejn Rita u s-Sur Bertie. Kollox ikompli jigrava meta Rita tinduna li qed tistenna tarbija, fejn wara tistqarr għal diversi drabi li ma tafx min hu l-missier. Dawn is-sitwazzjonijiet kollha jwasslu biex Rita u Marjanu jispiċċaw jinfirdu.

Rita pruvat kemm ‘il darba tmur tara lil missierha, iżda ommha dejjem waqqfitha milli tagħmel dan.   Din iċ-ċaħda tkun daqqa ta’ ħarta kbira għal Rita u tispiċċa titlef is-sens kollu tal-ħajja. Wara li tilfet lil Marjanu, u l-impjieg tagħha, Rita titlef ukoll it-tarbija. Ma jgħaddix wisq żmien u din l-imsejkna titlef ukoll lil ommha.

Il-Madonna taċ-Ċoqqa, huwa dramm li ma jmut qatt, mill-pinna ta’ Ġuzè Diacono, u li ġie addattat għal palk minn Sandy Spiteri Vella. B’direzzjoni ta’ Paul S. Aquilina u Alfred Vella, fil-partijiet ewlenin insibu lil Sandy Spiteri Vella, James Pace, Alfred Vella, Rosienne Spiteri u Ernest Attard fost ħafna atturi oħra. Dan id-dramm ser isir fis-Sala tal-Iskola Primarja ta’ San Bastjan, Ħal Qormi, nhar is-Sibt 13 t’ Ottubru fis-7.00 ta’ filgħaxija u l-Ħadd 14 t’ Ottubru fl-4.00 ta’ wara nofsinhar. Għal aktar dettalji ċemplu fuq 79467196 jew tistgħu tidħlu wkoll fil-paġna ta’ Facebook – Kumpanija Teatrali Dun Mikiel Xerri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend