Lil hinn mill-vot u l-marijuana! – One News

Notifiki

Lil hinn mill-vot u l-marijuana!

X’imkien darba qrajt li jekk ma tagħmilx skoss ħmerijiet meta tkun għadek żagħżugħ, ma jkollok xejn divertenti x’tirrakonta meta tikber fl-età u tixjieħ!

Għax iż-żgħożija ħafna drabi hija assoċjata ma’ dik l-età meta nieqes mill-irbit, obbligi u responsabbiltajiet, wieħed kważi kważi għandu l-permess li jitbellaħ xi ftit u jagħmel xi ħmerija ’l hawn u ‘l hemm.

Iżda lil hinn minn dan il-ħsieb pwerili dwar iż-żgħożija, nistaqsi:  Fis-soċjetà tagħna tal-lum iż-żgħożija hi marbuta esklussivament ma’ żmien il- ‘ma jimpurtanix’ u x-xalar u d-divertiment, u llum hawn u għada minn rah?  Tagħmel sens li l-Parlament approva b’mod unanimu l-Vot 16?  Huwa f’postu li niddikjaraw li z-żgħażagħ aktar moħħhom fil-marijuana milli fis-sens ċiviku tagħhom?

U nkompli nistaqsi: Il-politiċi tagħna bid-deċiżjonijiet u dikjarazzjoniet tagħhom qegħdin jagħmlu dak kollu possibbli sabiex jifhmu liż-żgħażagħ?  Jew jaslu biss sal-qoxra ta’ barra u jieqfu mad-definizzjoni ġenerali tal-kelma żagħżugħ jew żagħżugħa?

Sfidi.

Fl-ewwel snin li kont ngħallem kont naħseb li kull żagħżugħ jew żagħżugħa li jkolli quddiemi kienu se jmorru d-dar wara l-ħin tal-iskola u jsibu lill-ġenituri jistennewhom  bil-platt lest.  Kont naħseb li kollha jsibu ambjent seren fejn jistgħu jagħmlu x-xogħol tal-iskola u l-istudji tagħhom. Imbagħad forsi jkollhom ftit ħin għad-delizzji tagħhom.

Ma domtx wisq li ma ntbaħt li din l-idea tiegħi kienet sempliċiment Utopja.

Bdejt niskopri żgħażagħ li kellhom iċ-ċwievet tad-dar għax meta jmorru lura d-dar ma jsibu lil ħadd mill-ġenituri. Żgħażagħ li jispiċċaw jieklu n-noodles jum wara l-ieħor għax ma jkun hemm ħadd min isajrilhom.

Skoprejt ukoll żgħażagħ li jafu jsibu lill-ġenituri d-dar imma minħabba l-inkwiet bejn l-istess ġenituri jsibu ruħhom f’kamp ta’ battalja aktar milli f’familja mimlija għożża u imħabba.

Skoprejt żgħażagħ imdawrin bit-tagħmir teknoloġiku kollu immaġinabbli imma nieqsa għal kollox mill-imħabba, mill-affett u mill-attenzjoni. Tant li jkollok studenti li malli jersqu l-vaganzi tas-sajf jieħdu qatgħa.  –Għax talanqas l-iskola nsib min jagħti kasi!-jgħidulek.

U tiltaqa’ u tikellem ma’ professjonisti kollegi li jaħdmu maż-żgħażagħ u jibdew b’litanija ta’ problemi.  Għandna żgħażagħ imfarrkin.  Imħawdin.  Diżillużi. Imfissdin. Ibbumbardjati.  Imsammrin.  Fgati.  Storduti. Indifferenti.  Vojta.  Imxebbgħin.  Arroganti. Indixxiplinati.  Iltima.

Imma għatxana għall-imħabba u għal min jifhimhom.

Jiena nemmen li kull żagħżugħ u żagħżugħa huma tajbin fil-fond ta’ qalbhom. Iżda l-velenu li titmagħhom is-soċjeta’, għax immaturi u neqsin mill-esperjenza, iħassrilhom is-sabiħ tal-ħajja.

Għandek ġenituri li sfortunatament m’għandhomx il-ħiliet meħtieġa sabiex irabbu.  Tant huma stess aljenati, imkwetati jew imħabbtin li ftit li xejn isibu ħin, aptit u enerġija għaż-zgħażagħ tagħom.

Fuq l-estrem l-ieħor issib min iżommhom f’bozza u jipproteġihom u jagħtihom raġun f’kollox b’detriment għall-futur tagħhom. Jew inkella jixtrilhom kollox għax jaħseb li jista’ jixtri l-ferħ ta’ uliedu bil-materjaliżmu u l-flus. Ġenituri li ma jafux kif jgħallmu s-sens ta’ sagrifiċċju imbagħad jistagħġbu għax uliedhom arroganti magħhom!

Għandna żgħażagħ li ħierġin minn sistema edukattiva li għal ħafna snin kienet tkisser dak kollu li huwa uman fiż-żgħażagħ tagħna.  Sistema li kienet mibnija fuq ġirja sfrentata għaċ-ċertifikati.  Sistema li kienet bbażata fuq l-importanza tas-sillabu, homeworks u eżamijiet.  Sistema li ftit kienet tħalli ħin għall-ħsieb liberu taż-żgħażagħ tagħna għax iffikuta fuq it-tagħlim tal-fatti u skoss informazzjoni inutli għal ħajjithom.

U xi ngħidu għall-midja soċjali li kompliet tħawwad il-borma u li rikbet il-karru tal-isfruttament taż-żgħażagħ tagħna. Huwa fatt li l-faxxinu tal-midja soċjali saret aljenazzjoni mimlija duwa għall-ġenerazzjoni żagħżugħa li tinvesti ħinha f’relazzjonijiet virtwali.  Dak li huwa soċjali, il-Bonġu ta’ filgħodu bil-kliem bil-fomm u b’xi tbissima inbidlu mal-Like u xi E mail fuq il-medja soċjali.  Il-kuntatt uman ħalla l-post lil dak virtwali bil-konsegwenza li qed jinħolqu robots u mhux persuni umani.

Mingħajr ma nsemmu l-gwaj u l-konsegwenzi koroh li l-midja soċjali, meta użata ħażin, ikollha fuq l-iżvilupp emozzjonali taż-żgħażagħ tagħna.

X’ma jiddamdmux?  Min jaf x’inhu għaddej mill-wires ta’ moħħhom?  Min jaf għaliex hemm fosthom min hu diżulluż u diġà għajjien mill-ħajja?

-It-tifla tiegħi qatt ma toħroġ.  Mhux mill-isfrattati.  Dejjem id-dar tkun.  Fuq il-laptop iva…imma qatt ma toħroġ.

Sfrattata mhux sinjura.

Imma sfruttata iva.

Sfruttata bħal dawk iż-żgħażagħ li min-naħa tagħhom joħorġu u jsibu min iqaxxarhom ħajjin bil-prezzijiet li jiġu mitluba fil-postijiet tad-divertiment

Sfruttatata bħal dawk iż-żgħażagħ li huma l-vittmi tad-dwejjaq u d-disperazzjoni tagħhom u spiċċaw priġuniera tal-vizzju tad-droga li jġib miegħu tbatija, serq u mitt elf komplikazzjoni oħra.

Raġġ ta’ tama

Imma f’din li tidher Babilonja sħiħa hemm xi raġġ ta’ tama x’imkien?

U mela m’hemmx!

Iż-żgħażagħ tagħna, fil-mod li jġibu ruħhom, sew jekk weħedhom magħluq qed jokorbu bil-ħniena għall-valuri.

Nistħajjel min jistaqsi:  Possibbli li ż-żgħażagħ mixtieqa mill-valuri?

Mela mhumiex!  Imma qed iħabbtu fuq bibien ħżiena!

Għaldaqstant nappella sabiex ma niqfux mal-qoxra ta’ barra.  Nidħlu fi djalogu aktar kontinwu u kostruttiv ma’ kull żagħżugħ u żagħżugħa.  Inkunu qribhom u noħorġu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Nagħtuhom importanza. Nagħtu kas dak li jgħidulna.

Iż-żgħażagħ għandhom ħafna x’joffru.  Qed jistennew biss lil min jagħti kashom u jismagħhom. Agħtihom sfida u jidħlu għaliha b’ruħhom u ġisimhom!

Iz-żgħażagħ huma l-pedament tas-soċjetà t’għada.  Importanti li jekk irridu soċjeta’ b’saħħitha niżguraw li l-pedamenti huma sodi.

Għax il-bżonnijiet taż-żgħażagħ jmorru lil hinn mill-vot u l-marijuana!

Ta’ QabelLi Jmiss
Ray Muscat huwa edukaturi b’esperjenza fl-iskejjel statali Maltin sa mill-1986. Kien għalliem tat-Taljan għal 13-il sena fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli u għal dawn l-aħħar erbatax-il sena huwa amministratur fl-iskola sekondarja fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu. Ray Muscat huwa wkoll kittieb. Kiteb scripts għar-Radju u r-Televiżjoni tal-istat b’xogħolijiet bħal ‘Fil-Kikkra!’, ‘Tlaqna!’ u ‘Oops!’. Sal-lum ippublika żewġ kotba għat-tfal bl-istejjer ta’ Lippu l-Purtinar u ktieb għall-adulti bit-titlu 'Naħqa ta’ Ħmar’. Jinteressah ħafna l-aspett politiku mhux partiġġjan u t-temi soċjali u edukattivi, b’mod speċjali ma’ dawk li sfortunatament jaqgħu lura fil-mixja tal-ħajja.

Send this to a friend