Kemm int raġel? – One News

Notifiki

Kemm int raġel?

Dan huwa filmat li tnieda mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà bil-għan li tħeġġeġ lis-subien u lill-rġiel li jkunu se jwettqu suwiċidju biex ikunu rġiel u jfittxu l-għajnuna.

Statistika ppublikata waqt it-tnedija tal-filmat fil-Palazz ta’ San Anton bħala parti mill-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali turi li tmienja u tmenin fil-mija tal-persuni li neħħew ħajjithom b’idejhom fil-gżejjer Maltin saru mill-irġiel.

Fl-aħħar sena u nofs biss 30 minn 37 suwiċidju saru mill-irġiel.

Il-filmat li xxandar matul l-attività bit-titlu “Kun Raġel” għandu l-għan li jisfida l-istigma fis-soċjetà li l-irġiel ma jistgħux jibku u għandhom iżommu kollox ġo fihom biex jidhru li huma rġiel.

Il-Kummissarju għas-Saħħa mentali John Cachia spjega li l-każijiet ta’ mard mentali qegħdin jolqtlu l-iktar lill-irġiel ta’ taħt l-40 sena.

“Dawn huma ristretti kważi għall-etajiet żgħar ta’ taħt l-40 sena. Allura wieħed jrid jara x’inhu jiġri u jieħu l-miżuri u l-prekawzjonijiet kollha u jemmen li f’din l-etá partikolari irridu nieħdu ħsieb lil dawn in-nies. Ngħinuhom joħorġu mill-problemi li jiffaċċjaw biex huma jkunu jistgħu jitkellmu dwar il-problema, ifittxu l-għajnuna u jfittxu s-sapport”.

Il-President Marie Louise Coleiro Preca qalet li saru diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ għaqdiet mhux governattivi sabiex jittellgħu proġetti li jgħinu jipprevenu s-suwiċidji u l-mard mentali fost iż-żgħażagħ.

Min-naħa tiegħu, il-kap tad-Dipartiment tal-Psikjatri fl-Universitá ta’ Malta Dr David Cassar qal li għandu jkollna servizzi għall-qraba u ħbieb ta’ min jagħmel suwiċidju:

“Huma jgħixu bi ħtija, jgħixu bil-piena għax jgħidu għax stajt għamilt iżjed kieku ma għamilx hekk. Fejn dik il-ħtija hija parti mill-esperjenza tat-telfa”.

Preżenti wkoll għal din il-konferenza is-Sinjura Michelle Muscat li appellat sabiex ma jkunx hemm biża’ u kull min jinsab f’diffikultajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali, ma jidejjaqx jitkellem u jfittex għall-għajnuna malajr kemm jista’ jkun.

“Illum il-ġurnata fis-sistemi ta’ pajjiżna għandna fejn imorru għall-għajnuna u allura ninkoraġixxu n-nies biex dejjem jagħmlu dak il-pass ħalli jtejbu ħajjithom u jgħixu ħajja aktar pożittiva”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend