Għawdex jeħtieġ l-għajnuna tal-istat – Alfred Sant – One News

Notifiki

Għawdex jeħtieġ l-għajnuna tal-istat – Alfred Sant

Għawdex jeħtieġ l-intervent u l-għajnuna tal-istat biex jissaħħaħ bħala destinazzjoni Ewropea u bħala destinazzjoni nazzjonali u jkompli jtejjeb il-konnettivita` tiegħu ma’ Malta u mal-kontinent Ewropew. Dan qalu Alfred Sant quddiem udjenza numeruża f’Konferenza dwar is-sehem ta’ Għawdex mill-Budget Ewropew tal-2020-2027 fil-Lukanda Ta’ Ċenċ, Għawdex. Alfred Sant enfasizza li l-intervent tal-istat huwa meħtieġ biex jikkumpensa għall-insularita` doppja li jsofri minnha Għawdex peress li s-settur privat u s-suq ħieles waħdu ma jistgħux jiffinanzjaw proġetti kbar li għandu bżonn Għawdex biex ilaħħaq mal-iżvilupp f’Malta.

Dr Sant qal li għandhom ikunu indikati tliet proġetti kbar għal Għawdex għas-snin li ġejjin. Huwa saħaq dwar l-importanza li jkun identifikat post f’Għawdex għal Yacht Marina, it-tisħiħ tal-politika diġitali, aktar spazju għal attivitajiet artiġjanali u l-ħolqien ta’ prodotti speċifiċi agrikoli f’Għawdex.

“Hemm bżonn isir aktar biex Għawdex ikun ‘marketed’ bħala destinazzjoni kemm f’Malta u fi swieq barranin. Jiena nemmen li l-Għawdxin għandhom ikunu involuti direttament fid-deċiżjonijiet dwar Għawdex biex l-istess deċiżjonijiet ikunu implimentati mill-Gvern ċentrali ta’ Malta.”

Dr Sant qal li d-diverġenzi bejn in-nord tal-Ewropea u s-sud żdiedu fl-aħħar għaxar snin. Għawdex, bħal gżejjer u reġjuni periferali oħra fl-UE, huwa affettwat negattivament mill-politika tal-UE li ma tippermittix għajnuna tal-istat. Din il-politika hija ta’ detriment għal gżejjer żgħar tal-UE.

“L-għajnuna tal-Istat fi gżejjer żgħar bħal Għawdex u Malta ma taffettwax is-suq Ewropew.

Se nkompli ninsisti fil-Parlament Ewropew li l-Istat għandu jintervjeni biex jgħin kumpaniji bħal AIRMALTA u Gozo Channel li huma importanti għall-konnettivita` bejn iż-żewġ gżejjer u mal-kontinent Ewropew. L-Unjoni Ewropea ma taqbilx ma’ dil-linja, iżda se nkompli naħdem ma’ MEPs minn gżejjer tal-UE biex noħorġu b’aktar proposti favur gżejjer bħal Għawdex.”

Dr Sant qal li Malta tgħallmet kif tasssorbixxi l-fondi tal-UE u tikkompara tajjeb ma’ stati membri tal-UE li wħud minnhom jitilfu sa 30% tal-fondi tal-UE. Malta trid tara x’se jkun is-sehem tagħha mill-Budget Ewropew tal-2020-2027 u mbagħad jiddependi liema proġetti jkunu approvati biex ikun magħruf x’se jkun is-sehem ta’ Għawdex.

“Għawdex mhux ikkunsidrat bħala reġjun mill-UE minħabba ċ-ċokon tiegħu. Il-PN kien daħak bl-Għawdxin meta kien qal li Għawdex se jkun stmat bħala reġjun mill-UE.” saħaq Alfred Sant.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend