BIL-FILMAT: Sodisfatti li saret ġustizzja – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Sodisfatti li saret ġustizzja

Il-familja ta’ Clifford Micallef, iċ-ċiklist li disa’ snin ilu tilef ħajtu wara hit & run fi Triq il-Kosta, tinsab sodisfatta bl-għoti tas-sentenza ta’ tliet snin ħabs effettivi lis-sewwieq li kien saħansitra qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Iltqajna mal-familja Micallef fi ġnien propju ddedikat għal dan iċ-ċiklist altruwist.

Mart il-vittma tgħid li għalkemm hija sodisfatta bl-għoti tas-sentenza, il-valur tal-ħajja ta’ bniedem għandu jingħata iżjed importanza.

“Jiena kont sodisfatta ħafna għax matul iż-żmien kont ippreparata sew mingħand l-avukati u kienu qaluli x’jista’ jseħħ. Għalkemm jidhru ftit tliet snin u huma filfatt ftit, għax jekk wieħed jirraġuna li allura l-valur tal-ħajja ta’ bniedem tiswa tliet snin biss? M’huwiex il-każ. Imma nħoss li l-Qorti għamlet pass ‘il quddiem, forsi ta’ nemlu imma sar dan il-pass, pass pożittiv.”

Biswit l-omm, li għalkemm iż-żmien taffa xorta għadha tħoss in-nuqqas ta’ żewġha, kien hemm tnejn minn uliedha, hekk kif il-fustani jinsab imsiefer.

Fi kliem it-tifel il-kbir tal-familja, il-missier li dejjem għamel is-sagrifiċji biex huma jaslu ‘l quddiem f’ħajjithom, issa jista’ jistrieħ fis-sliem.

“Missieri dejjem emmen li kollox irid jimxi kif suppost. Jiġifieri jekk hemm, jekk tiġri xi ħaġa, dejjem trid tiġi qisha full circle. U issa li ngħatat il-kawża, hu jista’, naħseb jistrieħ u jgħid ġie kollox kif suppost.”

Hi u tirrakonta l-istorja ta’ Clifford, raġel maħbub li qabel miet ħabta u sabta kien qed iħejji biex imur għal Life Cycle Challenge, Shirley Micallef qaltilna fuq kemm Clifford kien ġeneruż.

“Cliff kien ġeneruż ħafna ħafna u infatti probabli għalhekk aħna sibna dik l-għajnuna kollha. U kien hemm min ġie fuqi u qalli li le rrid npattilu b’xi mod lil Cliff għax darba Cliff għamel miegħi hekk u Cliff għamel miegħi hekk, allura dak li jkun ried vera jgħin. U grazzi għalih u naf żgur li qiegħed hemm jitlob għall-uliedi u jieħu ħsiebhom.”

Ma’ dan l-istazzjon, l-omm li rabbiet it-tliet uliedha għal xi snin waħidha, spjegat kif ma kienet faċli xejn il-ħajja mingħajr Clifford.

Hija rrakontat sitwazzjoni li t-tifel iż-żgħir tagħha John ffaċjaha biha meta ħass li xtaq li kellu missier, li ttieħed minn din id-dinja b’mod kiefer.

“It-tifel għamel l-almu tiegħu, penġih, għamlu mill-isbaħ u ddedikah dan il-Father’s Day Card lil ħuħ il-kbir. U meta wasal id-dar ferħan se jtir, mar itih lil Max u Max qallu le I don’t want it, I don’t want it. Jiena bqajt mbellħa, bdejt ngħid ommi x’se nagħmel? Iż-żgħir miskin verament let down, għamel mill-aħjar, l-ieħor mhux qed jaċċettaha, kienet iebsa.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend