Pjan ta’ azzjoni għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – One News

Notifiki

Pjan ta’ azzjoni għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia waqt li kien qed jindirizza lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, qal li għal ħafna min-nies ix-xogħol tad-Dipartiment jinkludi biss tifi tan-nar, iżda huwa ħafna usa minn hekk. Huwa qal li għaddejjin numru ta’ avviżi legali biex jagħtu aktar saħħa legali lid-Dipartiment.Il-Ministru żied jgħid li wasal iż-żmien li d-DPĊ jagħmel ċertu bidliet sabiex dejjem javvanza u jaddatta kemm għaż-żminijiet tal-lum u kemm għaż-żmien li ġej. Fid-DPĊ bħalissa għaddej proċess biex jinbidlu l-vetturi eżistenti, u fil-fatt diġà nbidlu 22 vettura. Hekk kif l-infrastruttura tal-pajjiż qed tinbidel, hekk ukoll id-DPĊ għandu bżonn flotta ta’ vetturi li jkunu konformi mat-toroq u l-bini tal-lum il-ġurnata, b’hekk għadu kif ġie iffinalizzat xiri ta’ vettura li tiġġieled nirien f’bini għoli.

“Parti mid-diskussjonijiet li għaddejin hu li jinbena stazzjon tat-tifi tan-nar f’Santa Venera u li jkun reżistenti għat-terrimot sabiex f’każ ta’ diżastru naturali, il-ħaddiema u l-vetturi jkunu jistgħu joħorġu u jagħtu l-għajnuna. Il-pjan hu li kull stazzjon tat-tifi tan-nar jerġa’ jinbena mill-ġdid sabiex ikun preparat għal li jista’ jinqala,” qal il-Ministru Farrugia.

Fit-tmiem tad-diskors tiegħu huwa ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jidħlu grupp ġdid ta’ ħaddiema u ħa jkunu qed jattendu għal taħriġ sabiex ikunu preparati għal kull eventwalità. Żied jgħid li huwa importanti li kull ħaddiem jingħata taħriġ kontinwu u jkollhom ċentru ta’ taħriġ li jkun aktar professjonali milli diġà għandhom, ħalli jattira wkoll iktar aktar persuni minn barra minn Malta jattendu għat-taħriġ. Fl-aħħar il-Ministru rringrazzjahom tax-xogħol li jagħmlu u qal li dalwaqt se jkun qiegħed jitħabbar il-ftehim kollettiv ġdid tal-Korp tal-Pulizija, u ħa jimxi fuq l-istess passi biex jinbidel il-ftehim kollettiv tal-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila qal lill-ħaddiema li huma s-sinsla u l-ambaxxaturi ta’ dan id-Dipartiment. Huwa saħaq li huma qegħdin hemm biex isalvaw u jipproteġu. Is-Sur Psaila żied jgħid li s-sena d-dieħla, id-Dipartiment jagħlaq 20 sena u issa wasal iż-żmien li jinbidel u jkunu parti mill-bidla. Id-Direttur irringrazzjahom u qal li d-Dipartiment  għandu viżjoni biex jara protezzjoni ċivili ta’ 40 sena oħra.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend