L-aħħar ċans biex tħabbat wiċċek mal-Istorja l-Ħadd li ġej – One News

Notifiki

L-aħħar ċans biex tħabbat wiċċek mal-Istorja l-Ħadd li ġej

Il-Ħadd li ġej huwa l-aħħar ċans biex iżżur tnejn mill-aħħar esebizzjonijiet ta’ Heritage Malta. Il-pubbliku qed jiġi mistieden biex juża din l-opportunità ħalli jesplora dawn l-esebizzjonijiet li għalkemm għandhom temi differenti, it-tnejn jinsabu l-Belt Valletta. Id-dħul għal dawn l-esebizzjonijiet huwa bla ħlas.L-esebizzjoni ‘Etruscan Urns in the National Collection’ tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Din hija s-sitt esebizzjoni mis-serje Espresso Exhibitions fejn qed jiġu ppreżentati esebiti, magħżula mill-kollezzjoni nazzjonali riservata, li permezz tagħhom jiġu rrakkuntati ġrajjiet interessanti.

L-Etruski spiss kienu suġġett ta’ kontroversja fost l-istudjużi minħabba li l-oriġini tagħhom hija inċerta, il-lingwa tagħhom unika, u t-tmiem tar-razza tagħhom tidher li sfumat fix-xejn. Din il-kollezzjoni Etruska li tikkonsisti minn erbgħa urni, għatu, u parti ta’ quddiem, titfa’ dawl fuq dan il-poplu antik u kif dan kien iħares lejn dak li jiġri wara l-mewt bħala estensjoni tal-ħajja attwali.

L-Etruski kienu jagħmlu użu kemm mid-dfin u kif ukoll mill-kremazzjoni tal-mejtin. Huma kienu jiddepożitaw it-trab tal-mejtin f’għażla ta’ kontenituri, inkluż dawn l-urni. L-urni kienu intenzjonati li jibqgħu viżibbli ħalli jagħtu lill-mejjet il-possibilità li jibqa’ preżenti. Uħud mill-urni kienu ddekorati bi stil mill-ifjen u b’figuri skulturati fuq l-għetien tagħhom. Huma kienu jemmnu li dawn ix-xeni skulturati kellhom il-poter li jipproteġu l-fdalijiet tal-mejtin li jkunu qed iħaddnu ġewwa fihom.

L-esebizzjoni ‘Valletta and the Dominicans: a common journey’ tinsab fil-Kunvent tad-Dumnikani, u hija kollaborazzjoni bejn Heritage Malta, il-Parroċċa ta’ Santa Marija ta’ Portu Salvu u San Duminku. L-esebizzjoni tirrakkonta kif l-Istorja tal-Belt Valletta spiss kienet tintiseġ ma’ dik tal-Kommunità Dumnikana fil-Belt.

Wara l-Assedju l-Kbir tal-1565, meta bdiet il-kostruzzjoni tal-Belt Valletta, id-Dumnikani kienu jaqsmu kuljum, mill-Kunvent tagħhom fil-Birgu għall-Belt, ħalli jassistu l-4,000 ħaddiem li kienu qed jibnu s-swar. Din il-preżenza bikrija tagħhom fost il-bennejja tal-Belt evolviet f’500 sena ta’ storja għanja u inseparabbli.

L-esebizzjoni estensiva tkopri din il-mixja storika permezz ta’ diversi artifatti, fosthom pitturi, inċiżżjonijiet, dokumenti, skulturi, paramenti sagri u oġġetti liturġiċi.

Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija: 9:00am – 6:00pm (l-aħħar dħul fil-5:30pm).

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend