Aktar servizzi qrib tiegħek – One News

Notifiki

Aktar servizzi qrib tiegħek

F’dawn l-aħħar ġimgħat warrabt ftit il-kitba biex niffoka fuq il-proviżjoni ta’ aktar servizzi fil-qalba tal-komunità. Ta’ spiss qed insib lili nnifsi nuża l-istess terminoloġija imma fil-verità m’hawnx kliem aktar adatt biex niddiskrivi x’qed nagħmlu bħala Servizz Pubbliku u aġenzija servizz.gov biex inwasslu aktar servizzi għand in-nies u mhux inħallu lin-nies jiġru huma wara s-servizzi governattivi.

Aktar m’qed noffru servizzi governattivi permezz tal-Freephone 153, iċ-ċentri reġjonali, is-sit elettroniku servizz.gov.mt u l-mobile apps aktar persuni qed ifittxuna u jagħmlu kuntatt magħna. Turija ta’ dan huwa l-40,000 telefonata fix-xahar li jirċievi l-Freephone 153, bit-telefon jibqa’ l-iktar mezz popolari fost il-Maltin u l-Għawdxin. Dan ma jnaqqasx mill-importanza taċ-ċentri reġjonali fil-komunitajiet. Tant hu hekk li tul dawn l-aħħar ġimgħat konna qed naraw kif nistgħu nsaħħu u nikkonsolidaw is-servizzi li noffru.

Mill-ġimgħa d-dieħla, miċ-ċentru reġjonali ta’ Ħal Qormi, servizz.gov se jkun qed joffri wkoll servizz ta’ espert tal-Jobsplus. Dan effettivament ifisser li dawk l-individwi minn Ħal Qormi u l-madwar li kienu jmorru f’lokalitajiet oħrajn biex jinqdew, jew inkella jidħlu l-Belt Valletta, issa se jkunu jistgħu jinqdew ukoll mill-komunità tagħhom. U għalhekk qed ngħidu, u nisħqu, li f’dak kollu li nagħmlu s-servizz għandu jiġri wara ċ-ċittadin u mhux iċ-ċittadin jiġri wara s-servizz.

Barra minn hekk permezz tan-numru 153 wieħed jista’ anke jċempel u jagħmel appuntament ma’ uffiċjal tal-Jobsplus fil-lokalità l-iktar viċin tiegħu u jevita milli joqgħod jidħol il-Belt, bl-iskariġġ kollu li dan jista’ jġib miegħu. Għalhekk illum ngħidu li s-servizzi governattivi saru aċċessibbli aktar minn qatt qabel, minn fejn trid u fi xħin trid. Dan is-servizz jikkumplimenta servizzi oħra li qed inwasslu fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin ewlenin fosthom espert tat-taxxa, espert tal-akkomodazzjoni soċjali kif ukoll oħrajn fis-sigurtà soċjali.

Ilkoll servizzi għall-benefiċċju taċ-ċittadin, eqreb taċ-ċittadin u għaċ-ċittadin.

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Send this to a friend