Diskussjonijiet favur aktar ugwaljanza bejn is-sessi. – One News

Notifiki

Diskussjonijiet favur aktar ugwaljanza bejn is-sessi.

L-Istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tal-Kunsill tal-Ewropa tiddikjara li l-ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel għadha mhix realtà. Dan kien is-suġġett ta’ diskussjoni f’konferenza organizzata mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza l-Ħamis filgħodu.

Renee Laiviera, il-Kummissarju fi ħdan din il-Kummissjoni spjeget li huwa parti mix-xogħol tagħhom li jqajmu kuxjenza dwar il-bżonn ta’ ugwaljanza.

“Aħna kontinwament, għax hija parti mix-xogħol tagħna, inqajmu kuxjenza dwar il-bżonn ta’ ugwaljanza fis-soċjetà tagħna. L-għan huwa li jkollna l-parteċipanti li waqt il-workshops se jiddiskutu u jagħtuna l-ideat tagħna biex we push the agenda forward”.

Fid-diskors tal-ftuħ, il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prijorità għal Malta, u l-Gvern huwa kommess li jkompli jimplimenta aktar miżuri biex jissalvagwardja dan.

“Meta titkellem fuq vjolenza abbażi ta’ ġeneru, per eżempju aħna irratifikajna l-konvenzjoni ta’ Istanbul li hija konveżjoni tal-Kunsill tal-Ewropa,  apparti minn hekk għamilna l-liġi tagħna li ġiet in line ma din il-konvenzjoni u ħriġna bl-istrateġija”.

Il-Ministru Dalli kompliet tispjega li l-liġi biss mhux biżejjed iżda hemm bżonn li kulħadd jiġbed ħabel wieħed.

“Il-liġi biss mhux biżejjed. Inti għandek bżonn strateġija fejn kull min huwa involut f’dan is-settur, Pulizija, professjonisti, iridu jħarsu lejn din l-istrateġija biex niġbdu ħabel wieħed sabiex intaffu din il-problemi tal-vjolenza abbażi ta’ ġeneru”.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend