Jgħaddu mill-istadju tat-tieni qari l-emendi tal-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarj | One News

Notifiki

Jgħaddu mill-istadju tat-tieni qari l-emendi tal-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarj

L-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji għadda mill-istadju ta’ tieni qari fil-Parlament. Dan mistennija jolqot madwar 1,600 organizzazzjoni volontarja rreġistrata mal-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji. Dan juri kemm il-preżenza ta’ dan is-settur hija b’saħħitha u hi ta’ valur għas-soċjetà, fejn il-kontribuzzjoni ta’ dan is-settur hija ta’ għajnuna kbira lis-settur ċivili tal-pajjiż.

Din kienet l-ewwel impenn tal-Parlament Malti wara li llum beda’ jiltaqa’ wara waqfa tul is-sajf. 

L-għaqdiet kollha mhux governattivi li jkollhom dħul ta’ iktar minn €5,000 fis-sena se jkunu obbligati jirreġistraw mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji. L-emendi fil-ligi tal-volontarjat se jdaħħlu dan l-obbligu waqt li se jagħtu aktar poteri lill-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji. L-emendi għandhom iżidu t-trasperenza u l-kontabbiltà tal-għaqdiet volontarji u għall-ewwel darba żgħażagħ ta’ 16-il sena ser ikunu jistgħu jwaqqfu għaqdiet mhux governattivi.

Il-liġi ġdida li tirregola l-organizzazzjonijiet volontarji se tobbliga lil kull għaqda volontarja bi dħul annwali ta’ €5,000 biex tirreġistra mal-Uffiċċju tal-Għaqdiet Volontarji waqt li organizzazzjonijiet bi dħul ta’ inqas minn €5,000 se jkunu mitluba jgħarrfu lill-istess Uffiċċju.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol Evarist Bartolo fil-Parlament innota l-importanza li l-Għaqdiet tal-Volontarjat ikunu mħarsa b’mod adekwat. Fakkar kif din il-liġi ilha ma tiġi emendata 11-il sena, mill-2007.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat, Clifton Grima qal li l-liġi se tkompli ssaħħaħ is-settur tal-volontarjat billi l-għaqdiet ikunu aktar trasparenti u kontabbli.

Fl-istess ħin,  l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji se jingħata aktar setgħat u għodod biex jaħdem b’mod effettiv. Il-Kummissarju ħa jkollu l-fakultà mingħajr ħafna proċessi burokratiċi li jekk jara lil xi ħadd li mhux miexi mar-regolamenti se jkollu d-dritt li jxolji din l-għaqda.

Bl-emendi proposti, il-Kummissarju tal-Volontarjat se jkun jista’ jitlob informazzjoni fosthom il-kontijiet finanzjarji tal-għaqdiet u jagħti sodisfazzjon lil pubbliku. Il-liġi se tipproteġi lill-għaqdiet milli jintużaw għal skopijiet ta’ ħasil ta’ flus jew terroriżmu.

Dawn l-emendi fil-liġi se jippromettu aktar trasparenza, aktar sigurtà, fejn se naraw li dan is-settur ikompli jikber u jkompli jespandi. Aħna qed nipprevedu li s-settur ikun mgħammar adekwatament sabiex il-kompetenza u l-piż ċivili rilevanti tal-organizzazzjonijiet jikbru b’mod kontinwu.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend