Gvern li żied il-ħidma – Viżjoni li twassal għal trasport pubbliku b'xejn għal kulħadd | One News

Notifiki

Gvern li żied il-ħidma – Viżjoni li twassal għal trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd

F’attività politika fil-Marsa l-messaġġ tal-Prim Ministru kien li l-waqfa mill-attivitajiet politiċi fis-sajf kienet “waqfa għan-nies. Ma kinetx waqfa għall-gvern għax il-gvern kompla jaħdem u żied il-ħidma.”

Hawn il-Prim Ministru tkellem dwar diversi temi, fosthom l-immigrazzjoni, l-infrastruttura u t-trasport fejn spikkat id-dikjarazzjonij tiegħu li fuq medda ta’ snin irid trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd.

Dwar l-immigrazzjoni spjega li dalgħodu kienu għaddejin it-tħejjijiet biex barra mill-ibħra Maltin isir trasferiment ta’ 58 persuna. Qal li se jiddaħlu fil-bażi militari Maltija u jitqassmu f’erba’ pajjiżi differenti fejn ħadd ma jibqa’ Malta. “Stajna għal darb oħra għalaqna l-bibien, webbisna rasna. Stajna għamilna dak li hemm  pajjiżi oħra li qed jiftaħru li qed jagħmlu… Minflok inkunu parti mis-soluzzjoni nkunu parti mill-problema,” qal Joseph Muscat.

Spjega fid-dettall kif f’dak li qed isir bħalissa fl-Ewropa kollha mhijiex kwistjoni ta’ immigrazzjoni. “Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni hija biss is-simbolu. Bħalissa fl-Ewropa kollha qed issir għażla bejn min irid iħares ‘il quddiem u bejn min irid jingħalaq fih innifsu u jgħix fl-illużjoni li nsolvu l-problemi waħedna,” qal Joseph Muscat li tenna li l-għażliet marbuta mal-immigrazzjoni huma ferm ikbar milli jaħsbu wħud.

Joseph Muscat fakkar li b’dak li sar dan is-sajf ma tgħabbiex b’piżijiet żejda. “F’dak kollu li għamilna nafu fejn sejrin. Nafu  li l-għażla tagħna dwar x’tip ta’ Ewropa u x’tip ta’ pajjiż irridu hi għażla li se timmarkana għal ħafna snin,” qal Muscat.

Tkellem dwar kif jifhem li ċerti nies ikunu mħassba. Peró għamel differenza bejn inwkiet ġustifikat u bejn min l-uniku aptit tiegħu hu li jrewwaħ il-mibgħeda. “Faċli torganizza l-mixjiet u xxejjer il-bandieri. Imma meta nxejru l-bandieri ejja nifhmu x’bandiera qed inxejru. U meta nkunu hawn, meta ngħażlu għal liema partit u moviment qed nappartjenu ejja nifhmu mill-ġdid x’inhuma l-valuri tagħna,” qal Joseph Muscat li fakkar fil-prinċipji tal-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali.

“Il-prinċipji li mhux titkellem dwarhom imma li tgħixhom,” qal Joseph Muscat li tenna li l-interess tal-Maltin irid ikun dejjem fuq quddiem. Irrefera għall-kritika minn min iddejjaq li l-forzi tal-ordni f’dawn il-ġimgħat żiedu l-preżenza f’ċerti lokalitajiet. Hawn ta ħajr lill-pulizija għall-ħidma li qed jagħmlu biex tinżamm iktar ordni fil-lokalitajiet. “Inħares ‘il quddiem biex inżidulhom il-mezzi tagħhom,” qal Joseph Muscat li rrefera għal deċiżjoni tal-qorti li ħolqot kontroversja u li seta’ kien instigat jitkellem dwarha.

“Ma nistax u ma rridx għax id-dover tiegħi bħala Prim Ministru li l-istituzzjonijiet indipendenti tagħna nappoġġjawhom u niddefenduhom f’kull mument. Mhux meta jagħtu ġudizzju li jgħoġobni nfaħħarhom u meta jagħtu ġudizzju li għandi riservi dwaru mmaqadarhom. Dak li jgħamilna nies tal-istat. Il-gvern ma jistax jikkmanda l-Qorti x’tiddeċiedi,” qal Joseph Muscat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend